Sospiżi 3 ħaddiema tal-Gvern f’Għawdex

Tliet ħaddiema tal-Gvern f’Għawdex ġew sospiżi u qed jiġu investigati dwar allegat irregolaritajiet f’tenders ta’ kostruzzjoni ta’ toroq mill-2004 ’l hawn.
Fi stqarrija l-Ministeru għal Għawdex qal li kien hu li għamel rapporti lill-Pulizija biex eventwalment issejħet inkjesta maġisterjali.
Ġie spjegat li l-ewwel rapport kien sar f’Novembru 2013 u reġgħu saru rapporti fl-aħħar ġimgħat. 
Il-Ministeru qal li l-Pulizija ngħataw aċċess sħiħ biex jelevaw kompjuters u dokumenti ta’ tliet impjegati taċ-Ċivil li qed isiru l-allegazzjonijiet fil-konfront tagħhom.
Huwa temm jgħid li se jkompli jikkopera bis-sħiħ mal-Pulizija u jisħaq li ebda abbuż mhu se jiġi ttollerat.