Sospiża seduta tal-Qorti wara li żewġ xhieda tal-PL ma jitfaċċawx

Argumenti jaħarqu ddominaw l-Awla tal-Qorti hekk kif dalgħodu żewġ xhieda tal-Partit Laburista baqgħu ma tfaċċawx għas-seduta dwar żbalji fl-għadd tal-voti fl-elezzjoni tal-2013.
Il-Qorti kienet tat lill-partijiet ultimatum biex jippreżentaw ix-xhieda tagħhom wara tgergir li l-kawża kienet qed iddum biex tiġi deċiża.
Meta l-kawża kompliet tinstema, il-PL ipproduċa bħala xhieda lis-sotto-delegat tal-Partit Nazzjonalista Ian Micallef u uffiċjal tal-Kummissjoni Elettorali Vanni Ganado.
Minkejja dan, żewġ uffiċjali oħra li kellhom jattendu, Louis Fsadni u Anthony Gellel, baqgħu ma tfaċċawx. Intqal lill-Qorti li ngħata indirizz tad-dar ħażin ta’ Louis Fsadni u fil-każ ta’ Anthony Gellel ħadd ma fetaħ il-bieb.
L-avukat tal-Partit Laburista, Toni Abela, qal li kulħadd għamel xogħlu u ħadd ma kellu tort għal dak li ġara. Qal li kienet il-Kummissjoni Elettorali li ma sabitx l-uffiċċjali jew tat l-indirizz il-ħażin.
Il-Qorti insistiet li l-ultimatum ingħata u ssospendiet il-kawża għas-1.00 ta’ waranofsinhar.
Meta s-seduta kompliet, Fsadni kien preżenti u qal li l-Kummissjoni tat l-indirizz tiegħu ta’ San Ġwann minflok ta’ San Ġiljan. Gellel ma setax ikun preżenti għax kien qiegħed Għawdex.
Inqala’ argument ieħor meta Toni Abela talab għal iktar ħin u Paul Borg Olivier, li qed jidher bħala l-avukat għall-PN, oġġezzjona.
Il-Qorti qalet li se tippubblika deċiżjoni dwar din il-kwistjoni nhar it-Tlieta.

Reazzjoni Kummissjoni Elettorali
B’reazzjoni, il-Kummissjoni Elettorali qalet l-indirizzi tat-tliet xhieda mitluba mill-Qorti kienu pprovduti korretti lil Toni Abela fit-13 ta’ Jannar 2016.
Sostniet li l-allegazzjoni li l-Kummissjoni pprovdiet xi indirizzi ħżiena hi allegazzjoni kompletament żbaljata.