Sospiża liċenzja ta’ kumpanija mafjuża f’Malta

L-Awtorità Maltija għal-Logħob (MGA) issospendiet l-liċenzja ta’ kumpanija li kellha liċenzja għal remote gaming minn Malta.
Fi stqarrija, l-MGA qalet li qed tneħħi l-liċenzja ta’ Phoenix International Limited u ordant lill-kumpanija biex twaqqaf il-ħidma tagħha u tissottometti d-dokumenti kollha mitluba mill-istess Awtorità.
Il-kumpanija għandha rabtiet ma’ raġel assoċjat mal-Mafja li ġie arrestat fl-Italja nhar il-Ħamis li għadda. Aktar minn 20 persuna ġew arrestati f’ħidma mill-Pulizija li ngħatat l-isem ta’ Game Over.
Skont rapporti fil-midja, madwar €1 miljun kienu qed jiġu ġġenerati bis-saħħa ta' din l-istruttura. Ammont minn dawn il-flus allegatament imbagħad kienu jingħataw lill-membri tal-Mafja.
Intant fi stqarrija, l-avukat David Gonzi qal il-kumpanija GVH Holdings Limited li għandu ishma fiha kienet waqqfet is-servizzi relatati mal-finanzi mal-kumpanija Phoenix International Holding Limited fit-30 ta’ Ottubru 2016. Huwa żied jgħid li minn Diċembru tal-2015, il-kumpanija GVH bdiet il-proċess biex tagħlaq.