Sospiża l-iskema tal-bejgħ tal-passaporti f’Ċipru

Read in English.

Ċipru ssospendiet l-iskema ta’ ċittadinanza b’investiment fil-pajjiż. Din l-iskema kienet tippermetti li persuna tixtri ċ-ċittadinanza tal-pajjiż u tiggarantixxi vvjaġġar mingħajr bżonn ta’ visa mal-Unjoni Ewropea kollha għal dawk li jinvestu minimu ta’ €2 miljuni.

Id-deċiżjoni, li se tidħol fis-seħħ mix-xahar id-dieħel, issegwi investigazzjoni minn Al Jazeera li żvelat kif politiċi Ċiprijotti, avukati u kumpaniji tal-propjetà immobbli kienu involuti fil-bejgħ tal-passaporti tal-Unjoni Ewropea lil ċittadini barra mill-Unjoni Ewropea b’rekord kriminali. Dan fid-dawl tal-leak magħrufa bħala Cyprus Papers, fejn inħarġu fil-pubbliku mal-1,400 dokument fuq l-iskema taċ-ċittadinanza b’investiment fil-pajjiż.

Il-kelliem għall-parlament ta’ Ċipru, Demetris Syllouris, qal li kien se jirreżenja sakemm tintemm l-investigazzjoni.

Ċipru iddefendiet il-programm fid-dawl ta’ investigazzjoni, filwqt li ammettiet l-iżbalji li saru fil-passat u sostniet li issa dawn ġew rimedjati.

It-Tnejn, l-MEP Sven Giegold ikkumpara l-programm Ċiprijott ma’ dak Malti u insista li l-bejgħ tad-drittijiet taċ-ċittadini għandu jkun ipprojbit fl-Unjoni Ewropea kollha, skont kif ordnat mill-Parlament Ewropew.