Aġġornata: Sospiżi l-azzjonijiet industrijali fl-Isptar ta’ Għawdex

L-azzjoni industrijali fl-Isptar Ġenerali ta' Għawdex ġew sospiżi.
Dan wara li l-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne ħabbar fuq Twitter li wara laqgħa pożittiva, l-azzjonijiet industrijali f'dan l-isptar ġew sospiżi. Iktar tard dan ġie kkonfermat ukoll fi stqarrija konġunta bejn il-Gvern u l-MUMN.
Fid-Dipartiment tas-Saħħa il-fiżjoterapisti u l-ispiżjara ssospendew l-azzjonijiet industrijali aktar kmieni dalgħodu.
Il-Ministru qal li l-Unjins talbu lill-ħaddiema sabiex l-azzjoni industrijali li kienet skedata għal nhar it-Tnejn li ġej ma tibdiex.
Il-fiżjoterapisti ngħataw data li fiha għandhom jiltaqgħu mal-Gvern sabiex jiddiskutu ftehim settorjali ġdid li jikkonċerna l-pagi, l-iżvilupp professjonali tal-ħaddiema, u l-kundizzjonijiet tax-xogħol.
Fost id-direttivi tal-azzjoni industrijali kien hemm miżuri li jitolbu lill-fiżjoterapisti sabiex ma jipparteċipawx fil-laqgħat multidixxiplinari, fil-visti tal-wards, kif ukoll fil-klassijiet fl-outpatients ta’ Mater Dei.
Il-fiżjoterapisti ntalbu wkoll ma jweġbux imejls mid-Dipartiment tal-Emerġenza.
Madanakollu min-nhar it-Tnejn li ġej, it-tobba fis-setturi kollha tas-saħħa, mistennija jsegwu azzjoni industrijali wara li l-Assoċjazzjoni Medika Maltija (MAM) saħqet li l-Gvern kellu jikkonsultaha qabel mal-isptarijiet għaddew f’idejn il-kumpanija Steward Health Care.

https://platform.twitter.com/widgets.js

Aktar tard mal-ġurnata, il-Ministru Fearne ħabbar li anki fl-Isptar Ġenerali ta' Għawdex ġew sospiżi l-azzjonijiet industrijali.