Sospiż l-impjegat li ‘biċ-ċajt seraq’ €4,000 lill-Gozo Channel

Impjegat tal-Gozo Channel ġie sospiż, wara li Newsbook.com.mt żvela li impjegat allegatament seraq €4,000 lill-kumpanija.
Barra minn hekk, Newsbook.com.mt huwa infurmat ukoll li uffiċjali tal-pulizija dehru deħlin fl-uffiċini tal-kumpanija, fejn minn informazzjoni li ksibna jirriżulta li qed jinvestigaw dan l-allegat każ ta’ serq.
Nhar l-Erbgħa, Newsbook.com.mt irrapporta li ġimagħtejn ilu, nitlef envelopp ta’ wieħed mill-bejjiegħa tal-biljetti, li fih kien hemm €4,000. Wara tfittxija ta’ madwar sagħtejn, mill-kameras tas-sigurtà ġie identifikat l-impjegat li ħa l-envelopp.
Newsbook.com.mt kien infurmat li x’ħin inqabad, l-impjegat tal-Gozo Channel, li mhux bejjiegħ tal-biljetti, mar iġib l-envelopp mill-karozza. Dan wara li hu stess kien qed jgħin fit-tfittxija għall-envelopp bil-flus.
Il-maniġment tal-Gozo Channel bagħat għall-impjegat li allegatament seraq il-flus, iżda minn informazzjoni li għandu Newsbook.com.mt irriżulta li ma ttieħdu l-ebda passi fil-konfront tiegħu. Minkejja li l-impjegat inkwistjoni għen lill-impjegati l-oħra jfittxu l-envelopp, x’ħin inqabad qalilhom li kienet ċajta.
Newsbook.com.mt għadu qed jistenna tweġiba għall-mistoqsijiet li bagħat aktar kmieni din il-ġimgħa lill-kumpanija Gozo Channel u l-Ministeru għal Għawdex.