Sospiż l-għarbiel tar-ramel fir-Ramla l-Ħamra għall-protezzjoni tal-bejta tal-fekruna

MGOZ

Il-Ministeru għal Għawdex ħabbar li l-għarbiel tar-ramel fir-Ramla l-Ħamra li kellu jsir din il-ġimgħa huwa sospiż minħabba l-fekruna li telgħet l-art u ħalliet il-bejta tagħha fuq il-bajja.

Din il-ġimgħa kellu jsir sandsifting fil-bajja Għawdxija għall-ewwel darba, sabiex jitneħħa materjal bħal ċikek tas-sigaretti u plastik. Iżda nhar il-Ġimgħa li għadda, wara 70 sena, fekruna tat-tip loggerhead telgħet l-art sabiex tbid f’Għawdex. Il-bajd tagħha mistenni jfaqqas f’Lulju, u l-bejta qed titħares mill-organizzazzjoni Nature Trust. Għalhekk, dan l-eżerċizzju kellu jiġi sospiż għalissa.

MGOZ

Ilbieraħ, il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri u l-Ministru għall-Ambjent Aaron Farrugia żaru l-bajja tar-Ramla l-Ħamra. Il-Ministru Clint Camilleri qal li l-Ministeru għal Għawdex immedjatament ħa passi sabiex ikun hemm sorveljanza lejl u nhar mal-bejta u appella lil dawk li jżuru l-bajja biex iżommu d-distanza minn dan is-sit, filwaqt li qal li se jkompli jsegwi kull żvilupp. Il-Ministru rringrazzja lill-Awtorità għall-Ambjent u Nature Trust talli ħadu azzjoni immedjata malli ġew infurmati bil-bejta kmieni s-Sibt filgħodu.

Il-Ministru Aaron Farrugia qal li s-sit se jingħata protezzjoni diretta permezz ta’ Ordni ta’ Emerġenza għall‑Konservazzjoni sabiex jassigura li l-bejta ma tkunx fil-periklu. Huwa spjega kif din il-fekruna, li għandha rwol importanti fl-ekosistema marittima, hija protetta globalment permezz tal-World Conservation Area kif ukoll b’diversi tipi ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali u internazzjonali.