Sospiż ix-xogħol tal-Grupp db fuq is-sit tal-ITS f’Pembroke

Miguela Xuereb

It-tribunal tal-appelli tal-Awtorità tal-Ippjanar ordna li jiġi sospiż ix-xogħol fuq il-proġett tat-torri u l-lukanda f’Pembroke tal-Grupp db sakemm jiġi konkluż l-appell pendenti kontra dan l-iżvilupp. Dan tħabbar ukoll mill-Moviment Graffitti fuq il-paġna tagħhom ta’ Facebook.

FIRST LEGAL VICTORY AGAINST THE DB GROUP PROJECT ON ITS SITEAt today’s first sitting at the Environment and Planning…

Posted by Moviment Graffitti on Tuesday, November 20, 2018

Il-proġett li se jieħu post il-binja li qabel kienet tintuża mill-ITS se jkun jinkludi fih torri ta’ 38 sular u lukanda ta’ 17-il sular. Hu kien ġie approvat mill-Awtorità tal-Ippjanar f’Settembru li għadda minkejja l-eluf ta’ oġġezzjonijiet li kienu daħlu dwar dan il-proġett. Dan il-proġett kien fiċ-ċentru ta’ kontroversja, mhux biss minħabba l-aspett ewlieni, dak ambjentali, imma anke minħabba li membru tal-Bord inġabet Malta bi private jet biex tivvota favur, u swiet lill-Awtorità madwar €8,000.

Ix-xogħol preparatorju beda fuq is-sit ftit żmien wara li ġie approvat il-proġett, iżda twaqqaf wara l-ewwel smigħ tal-appell li sar propju llum. Il-proċess tal-appell mistenni jieħu sa Marzu li ġej.

Kien hemm total ta’ 17-il appellant li jinkludu residenti, għaqdiet mhux governattivi u tliet kunsilli lokali – Pembroke, San Ġiljan u s-Swieqi. Dan l-appell kien possibbli b’kampanja ta’ ġbir ta’ fondi li bdiet fis-7 ta’ Ottubru u li matulha nġabru €24,350. Il-mira ta’ €15,000 inġabret fl-ewwel erbat ijiem tal-kampanja.