Sospiż it-tender tal-fast ferry, għall-Qorti tal-Appell

Is-servizz tal-fast ferry bejn Malta u Għawdex se jibqa’ sospiż sakkem il-każ jinqata’ quddiem il-Qorti tal-Appell. Dan wara d-deċiżjoni li ttieħdet li fiha ma ntlaqgħetx it-talba tal-kumpanija Virtu Ferries biex tiffriża l-kuntratt bejn il-Gozo Channel u l-kumpanija Islands Ferry Network Ltd (IFN). Il-Qorti qalet li minħabba l-kwistjoni issa qegħda quddiem il-Qorti tal-Appell ma għandiex għalfejn tiffriża l-istess kuntratt.

L-Islands Ferry Network twaqfet biss f’April ta’ din is-sena u hija l-kumpanija tal-Magro Brothers u s-sidien tal-Fortina. Il-Gozo Channel iffirma kuntratt mal-Islands Ferry Network.

Il-Qorti saqsiet kif il-Gozo Channel setgħet tagħżel kumpanija li kienet ilha biss fis-seħħ għal ftit jiem qabel ma tħabbar il-ftehim bejnithom u li ma kellhiex l-esperjenza fil-qasam minkejja li l-Gozo Channel riedet kumpanija bl-esperjenza.

Il-Virtu Ferries ikkontestaw id-deċiżjoni tal-Gozo Channel dwar l-għażla tal-kumpanija li ma kellhiex esperjenza fil-fast ferries, li ma għandiex la l-faċilitajiet tekniċi u lanqas finanzjarji biex timplimenta s-servizz u li ma għandiex iċ-ċertifikazzjoni meħtieġa biex toffri dan is-servizz.

Is-sena l-oħra l-Gozo Channel kienet ħarġet konsultazzjoni preliminari biex tagħżel kumpanija li se tkun qed toffri dan is-servizz bejn iż-żewġ gżejjer. Il-kumitat kien sab li l-Virtu Ferries kellhu l-iktar offerta vantaġġjuża. Il-ġurnal The Sunday Times kien irrapporta kif l-Uffiċċju tal-Prim Ministru kien waqqaf l-ewwel deċiżjoni u saret sejħa ġdida. F’April li għadda l-Gozo Channel kienet għażlet lil IFN bħala l-kumpanija magħżula għas-servizz tal-fast ferry.