Sospiż is-servizz tal-posta lejn iċ-Ċina

Read in English.

Il-MaltaPost ħabbret li s-servizz tal-posta lejn iċ-Ċina ġie sospiż b’effett immedjat sa ma jinħareġ avviż ieħor.

Fi stqarrija l-MaltaPost spjegat li dan qed isir minħabba s-sospensjoni tat-titjiriet tal-ajru lejn iċ-Ċina.

Dan kollu qed iseħħ kawża tal-COVID-2019, li huwa tip ta’ coronavirus, li oriġina f’Wuhan iċ-Ċina u fi żmien ftit xhur qatel eluf ta’ persuni. Il-maġġoranza ta’ persuni li mietu kienu anzjani u persuni vulnerabbli.

Sa issa jidher li l-ebda Malti ma ġie infettat b’din il-marda. Minkejja li fl-aħħar jiem kien hemm koppja Maltija li nżammet fi kwarantina wara li nġiebet lura Malta minn fuq il-cruiseliner MV Westerdam. Dan il-cruiseliner ma kienx tħalla jitrakka f’ħames pajjiżi qabel ma l-Kambodja tat dan il-permess. Hu kien ilu 11-il jum fuq il-baħar.

Ftit wara nstab li kien hemm mara Amerikana ta’ 83 sena li kienet infettata bil-virus u b’hekk ittieħdu bosta prekawzjonijiet biex il-virus ma jinfirixx.