Aġġornata (2): Il-BOV jispjega x’ġara; is-servizz għadu sospiż

Il-Bank of Valletta ssospenda temporanjament l-operat tiegħu inkluż mill-fergħat madwar Malta u Għawdex, wara attentat malinn estern fuq is-sistemi tal-bank. Il-websajt tal-bank lanqas mhi aċċessibbli.

Il-Bank iċċara li l-kontijiet tal-klijenti ma ġewx affettwati minn dan is-cyber attack fuq is-sistemi tiegħu. Spjega li waqt ir-rikonċiljazzjonijiet li jagħmel il-bank regolarment, ġie nnutat li kien hemm diskrepanzi fi 11-il pagament, b’total ta’ madwar €13-il miljun. Il-Bank fisser li ħa l-passi immedjati biex jindirizza l-kwistjoni billi talab lill-banek internazzjonali involuti biex iwaqqfu l-pagamenti.

Kien meta l-Bank irċieva informazzjoni mill-Pulizija lokali u internazzjonali li kien hemm cyber attack fuq il-Bank, li ħa azzjoni immedjata u waqqaf il-pagamenti kollha internazzjonali.  Meta mbagħad ħareġ ċar li l-attakk kien wieħed sistematiku u sofistikat, il-Bank daħħal fis-seħħ il-pjan ta’ kontinġenza u ddeċieda li jissospendi l-operat tiegħu bħala prekawzjoni.

Assigura kemm-il darba lill-klijenti li l-kontijiet u l-flus tal-klijenti mhumiex affettwati u li l-Bank qed jaħdem bla heda biex isolvi l-problema u jerġa’ jibda joffri s-servizz fl-inqas ħin possibbli.

Il-BOV skuża ruħu mal-klijenti għal kull inkonvenjent u se jkun qed iżomm lill-klijenti u lill-pubbliku infurmat bl-iżviluppi. Il-klijenti jistgħu jagħmlu kuntatt mal-Bank fuq 21312020.