Sospensjoni vapuri: Il-Gozo Channel u l-UĦM jiċċaraw

Dalgħodu ġie kkonfermat li l-ħidma tal-Gozo Channel mhux se tieqaf ħesrem minħabba l-azzjonijiet industrijali imħabbra mill-UĦM – Voice of the Workers ilbieraħ. Dan ikkonfermatu kemm kelliema għall-Gozo Channel kif ukoll l-unjin stess.

Ma’ Newsbook.com.mt, il-ħaddiema spjegat li bħalissa l-amministrazzjoni tal-Gozo Channel għaddejja b’laqgħha. Mhux ikkonfermat jekk il-laqgħa għandiex x’taqsam mal-azzjoni industrijali.

Ilbieraħ l-unjin ordnat li mil-lum il-baħrin tal-Gozo Channel m’għandhomx jorbtu l-vapuri mal-moll. Fi stqarrija l-unjin qalet li qed tintroduċi dawn id-direttivi fil-konfront tal-ħaddiema tal-kuntrattur hekk kif spiċċaw imorru kuljum għax-xogħol delużi u b’qalbhom maqtugħa li xi darba ssir ġustizzja magħhom.

“L-azzjoni industrijali għall-ħaddiema tal-kuntrattur” – UĦM – Voice of the Workers

Kelliem għall-UĦM – Voice of the Workers qal ma’ Newsbook.com.mt li l-ħidma tal-Gozo Channel mhux se tieqaf ħesrem hekk kif l-azzjoni industrijali tapplika biss għall-baħrin li jaħdmu mal-kuntrattur u mhux dawk mal-Gozo Channel.

Spjega li dawn il-ħaddiema jridu biss li jiġu trattati l-istess bħal dawk tal-Gozo Channel, ladarba qed jagħmlu xogħol identiku. Il-kelliem insista li wieħed għandu jkollu l-istess paga jekk qed jagħmel l-istess tip ta’ xogħol u d-diskrepanza bejn il-kundizzjonijiet ta’ dawn il-ħaddiema hija inġusta.

Kompla jgħid li mhux se jieqaf l-operat tal-Gozo Channel, madanakollu se jkun hemm inqas ħaddiema li jistgħu jagħmlu dan it-tip ta’ xogħol. Għaldaqstant is-servizz b’xi mod jew ieħor hemm ċans li jiġi afftewat b’mod negattiv.

Newsbook.com.mt ipprova jagħmel kuntatt mal-Kap Eżekuttiv tal-Gozo Channel, Joe Cordina, madanakollu minkejja numru ta’ telefonati ma rnexxilniex inkellmuh.

Intant, ilbieraħ filgħaxija kien hemm kju aktar mis-soltu hekk kif bosta inkwetaw li ma kienx se jirnexxielhom jagħmlu l-użu mis-servizz tal-vapuri biex jiġu Malta għax-xogħol illum.