Sospensjoni skavar: Għandha bażi legali?

Read in English.

Sorsi legali li tkellmu ma’ Newsbook.com.mt wrew it-tħassib tagħhom dwar id-deċiżjoni li ttieħdet iktar kmieni wara nofsinhar mill-Prim Ministru Joseph Muscat.

F’konferenza għall-aħbarijiet li saret f’Kastilja, Muscat ħabbar li b’deċiżjoni tiegħu kull xogħol ta’ skavar u twaqqigħ ta’ bini ġie sospiż temporanjament b’mod immedjat. Newsbook.com.mt prova jistaqsi jekk hemmx bażi legali għal tali deċiżjoni iżda Muscat qal li mhu se jkun qed iwieġeb l-ebda mistoqsija.

AQRA: Filmat: Il-permessi kollha għat-twaqqigħ u l-iskavar ġew sospiżi – Muscat

Kienu bosta li esprimew sorpriża b’dan l-aġir tal-Prim Ministru. Saħansitra kienu xxokkjati b’din il-“blanket ban”, sorsi miċ-Ċina, pajjiż fejn huma magħrufin is-setgħat tal-President.

“Deċiżjoni li tmur lil hinn mir-responsabbiltà tal-PM”

Sorsi legali li tkellmu ma’ Newsbook.com.mt qalu li mal-ewwel daqqa t’għajn li twaqqfu x-xogħlijiet kollha, deher li din kienet azzjoni li tmur lil hinn mir-responsabbiltà tal-Prim Ministru (ultra vires) hekk kif m’hemmx provedimenti fil-liġi dwar dan. Wieħed mis-sorsi spjega li fi kwalunkwe każ, deċiżjoni li twaqqaf ix-xogħlijiet kollha hi dejjem problematika għax ma tagħmilx differenza bejn xogħol leġittimu u abbużi. Kompla jgħid li abbażi ta’ dan, l-ordni maħruġa mill-Prim Ministru tista’ tiġi kkunsidrata illegali.

Sorsi legali oħra spjegaw li din l-ordni tista’ wkoll tinterferixxi mad-drittijiet fundamentali tal-bniedem għad-dritt li wieħed igawdi l-propjetà tiegħu. Ġie spjegat li l-istat għandu dritt jinterferixxi fuq dan id-dritt sakemm ikun iġġustifikat, jiġifieri li l-ewwel kundizzjoni għandha tkun “skont il-liġi”.

“Azzjonijiet drastiċi bħal dawn mhumiex karatteristiċi tad-demokrazija”

Sors legali ieħor sostna li ma jarax bażi legali li tagħti l-poter lill-Gvern jieħu miżura daqstant drastika, saħaq li anki f’każ li miżura bħal din tista’ ttieħed din taf tkun anti-kostituzzjonali. Is-sors kompla jgħid li azzjonijiet drastiċi bħal dawn mingħajr ma wieħed jiddiskuti fil-Parlament mhumiex karatteristiċi tad-demokrazija u jistgħu jkunu qed jiksru d-drittijiet fundamentali tal-bniedem.

Meta Newsbook.com.mt staqsa jekk miżura bħal din tiftaħx lok biex wieħed ifittex il-Gvern għad-danni, is-sorsi legali sostnew li l-Gvern ikun responsabbli f’każijiet meta din il-miżura tintuża kontra ċittadini li jimxu mar-regoli u ngħataw il-permess skont il-liġi.

Intant Newsbook.com.mt bagħat mistoqsija lill-Avukat Ġenerali Peter Grech iżda sal-ħin li qed jinkiteb dan l-artiklu l-mistoqsijiet ma ġewx imwieġba. Madanakollu iktar tard filgħaxija l-Uffiċċju dwar ir-Regolament tal-Bini (BRO) bagħat stqarrija fejn qal li d-Direttur responsabbli għall-BRO qiegħed jordna l-waqfien ta’ kwalunkwe attività marbuta ma’ twaqqigħ ta’ bini eżistenti u tħaffir fis-siti kollha fejn qed issir kostruzzjoni f’Malta u Għawdex. L-artiklu kkwotat mill-BRO huwa Artiklu 18 (2).

Il-konsulent tal-Gvern, il-Perit Robert Musumeci, meta mistoqsi minn Newsbook.com.mt dwar il-bażi legali għal miżura bħal din, irrefera lil din il-kamra tal-aħbarijiet għall-Avviż Legali 72 tal-2013.

X’tgħid il-liġi?

Artiklu 18 tal-Avviż Legali jittratta l-avviżi tal-infurzar. Artiklu 18 (1) jgħid li l-avviż tal-infurzar għandu jinkludi l-istruzzjoni lill-iżviluppatur, lis-site manager u lill-kuntrattur biex ma jibdiex kostruzzjoni jew biex jieqaf mix-xogħol ta’ kostruzzjoni. Ir-raġunijiet għala l-avviż tal-infurzar qed jinħareġ li jinkludi r-raġunijiet tekniċi, rapport tekniku li jinkludi r-ritratti ta’ dik l-attività ta’ kostruzzjoni meqjusa mhux sigura jew li mhux skont il-method statement jew ir-regoli, u dan għandu jkun iffirmat mill-perit.

Artiklu 18(2) intant jgħid li meta d-Direttur jew ir-rappreżentat tagħhom meta jqis li xogħol għandu jitwaqqaf b’mod immedjat minħabba biża’ ta’ ħsara severa fuq propjetajiet fil-viċinanzi, dawn il-miżuri jistgħu jingħataw verbalment fuq is-sit tal-kostruzzjoni u jkunu kkonfermati iktar tard bil-miktub sa 24 siegħa wara li jkun ħareġ tali avviż.

L-avviż tal-infurzar jista’ biss jiġi rtirat mid-direttur ladarba jiġi pprovdut method statement ġdid li juri li r-rimedji neċessarji u l-miżuri ta’ prekawzjoni ttieħdu. Dan il-method statement il-ġdid għandu jiġi sottomess mal-Awtorità biex jieħu post dak oriġinali.

Deċiżjonijiet meħuda mid-Direttur għandhom id-dritt li jiġu appellati quddiem il-Bord tar-Regolamentazzjoni tal-Bini.