Soru ta’ 33 sena fost il-vittmi tat-terremot fl-Ekwador

Soru Irlandiża ta’ 33 sena hi fost il-vittmi tat-terremot tal-Ekwador wara li ppruvat tgħin diversi joħroġu mill-bini mġarraf li kienu jinsabu fih.
Sister Claire Crocket mietet flimkien ma’ ħames postulanti meta ġġarraf it-taraġ tal-iskola li fiha kienu jaħdmu.
Il-familja tagħha ddeskrivietha bħala “superstar” u qalet li mietet kif għexet, tgħin lil ħaddieħor.
Is-soru kienet tgħallem il-mużika lil madwar 400 tifel u tifla.
Fit-terremot, fl-istess bini, indarbu erba’ sorijiet oħra.
F’sitta mill-24 provinċja tal-Ekwador ġie dikjarat stat ta’ emerġenza b’10,000 suldati mibgħuta jgħinu l-bliet l-iktar milquta mit-terremot qawwi li s’issa ħalla iktar minn 400 vittma.