Soru maħtura Sotto-Segretarju tal-Kongregazzjoni tal-Istituti għall-Ħajja Kkonsagrata

Il-Papa Franġisku nnomina soru Spanjola li ħadmet bħala missjunarja fil-Korea t’Isfel bħala Sotto-Segretarju tal-Kongregazzjoni tal-Istituti għall-Ħajja Kkonsagrata u Soċjetajiet ta’ Ħajja Appostolika.
Il-ħatra ta’ Sister Carmen Ros Nortes, membru tal-Kongregazzjoni tas-Sorijiet tal-Madonna Konsolatriċi, tħabbret mill-Vatikan nhar it-Tlieta.
Sister Carmen twieldet fin-Nofsinhar ta’ Spanja fl-20 ta’ Diċembru 1953 u hi ggradwata fit-teoloġija, fil-pedagoġija kataketika, u għandha wkoll liċenzjat fit-teoloġija bi speċjaliżżazzjoni fil-Marjoloġija.
Hija ħadet il-voti perpetwi fl-1986 u qdiet diversi karigi fil-kongregazzjoni tagħha, fosthom dik ta’ missjunarja fil-Korea t’Isfel.
Fl-1992 kienet imsejħa biex tmur il-Vatikan taħdem fil-Kongregazzjoni għall-Istituti ta’ Ħajja Kkonsagrata u tgħallem f’dak li hu magħruf bħala “Studium”, li hi skola tat-teoloġija u l-liġi għall-ħajja kkonsagrata.
Il-Kongregazzjoni li tagħha issa nħatret Sotto-Segretarju, fl-2004 wkoll kellha mara bħala Sotto-Segretarju tagħha.
Skont statistika maħruġa mill-Vatikan, il-Knisja Kattolika, fl-2017 kellha aktar minn 670,000 mara f’ħajja kkonsagrata u 188,000 raġel f’ordnijiet reliġjużi jew patrijiet.