Soru li ġiet stuprata titkellem dwar il-Ġimgħa l-Kbira

Soru li 10 snin ilu kienet ġiet stuprata waqt uħud mill-agħar rewwixti kontra l-Kristjaneżmu fl-istorja tal-Indja, sostniet li l-Ġimgħa l-Kbira tfakkarha dwar kif Ġesù jagħtu valur lil kull tip ta’ tbatija tal-umanità.
Sister Meena Lalita Barwa qalet li Ġesù stess sofra l-umiljazzjoni u għaldaqstant jista’ jifhem l-umiljazzjoni tagħha.
Sr Barwa saret simbolu tat-tbatijiet li tgħaddi minnhom il-Knisja fl-Indja, kif ukoll waħda mill-persuni l-aktar prominenti li rnexxielhom jibqgħu ħajjin wara r-rewwixti kontra l-Kristjaneżmu f’Kandhamal.
Is-soru spjegat kif illum il-ġurnata tirrealizza li Alla taha ċ-ċans li tara l-mewt b’għajnejha u salvaha filwaqt li uriha l-imħabba bla qies li għandu lejha.
Stqarret li sofriet minħabba t-twemmin tagħha u għaldaqstant sofriet għal Ġesù bħalma Ġesù sofra għaliha. Madanakollu ma tiċħadx li kellha l-problemi bit-twemmin tagħha, wara li għamlet iljieli u ġranet tibki, iżda fl-aħħar mill-aħħar ħalliet is-sitwazzjoni tkabbar fiha l-imħabba lejn Alla.
“It-tbatija ġġib magħha l-barkiet, il-fejqan, tagħmlek aktar uman, umli u persuna li lesta biex tifhem lil ħaddieħor,” kompliet Sr Barwa.
Sostniet li meta tħares lejn kurċifiss m’għadiex tara lil Ġesù mejjet, iżda llum tara lil Ġesù ħaj, jissilet fuq is-salib. Għaldaqstant tgħid li kull persuna li sofriet f’isem Kristu, tinsab miegħu fuq is-salib, fejn Kristu qed jtilob u se jirbaħ.
Fl-2008, serje ta’ rewwixti mmexxija mill-Ħindu ħallew madwar 100 persuna mejta, eluf oħrajn feruti filwaqt li nqerdu mat-300 Knisja u 6,000 dar. Kawża ta’ dan mal-50,000 persuna kellhom jaħarbu u jistaħbew.
F’waħda mir-rewwixti, Sr Barwa, flimkien ma’ Qassis intużaw sabiex iwasslu l-messaġġ “Oqtlu l-Kristjani”. Sr Barwa kienet ġiet stuprata minn tal-inqas persuna waħda qabel.
Ritratt: Global Sisters Report