Soru fil-Kenya tipprattika wkoll ta’ Avukat biex tgħin lill-Knisja fis-soċjeta Afrikana

Suor Leonida Katunge waqt il-Kungress Pan Afrikan li sar fin-Niġerja. (Credit: Christopher White/Crux)

Suor Leonida Katunge tilbes żewġt ikpiepel u tgħaddi l-ġurnata bejn tgħallem il-liturġija u tipprattika l-liġi fil-Qrati fil-Kenya.

Meta kien għad għandha 11-il-sena riedet issir soru għax kienet ispirata għal din it-triq minn kuġinitha li kien soru wkoll. Hi ġejja minn familja ta’ disat itfal. Missierha kien fl-Armata u ommha kienet fin-negozju.  It-tifla żviluppat etika qawwija ta’ xogħol u kienet dejjem tinkwieta għall-oħrajn..

Illum, fl-età ta’ 41 sena hi meqjusa bħala waħda mill-aktar sorijiet fil-Kenya li tgħidha kif tħossha u temmen li l-missjoni tagħha hi li tgħin lin-nies jiġġieldu favur il-ġustizzja.

Dr. Katunge kienet delgat fil-Kungress Pan Afrikan dwar it-Teoloġija, is-Soċjetà u l-Ħajja Pastorali li sar il-ġimgħa li għaddiet fin-Niġerja.  Hi qalet lill-aġenzija tal-aħbarijiet CRUX li temmen li hi mhux qed tikkompeti mal-irġiel imma trid taħdem magħhom bl-iskop li jgħinu lil xulxin f’soċjetà aħjar.

Dottorat fil-Liturġija

Wara li temmet l-istudji fit-teoloġija u l-filosofija fl-Università Kattolika tal-Afrika tal-Lvant fl-2006, Sr Karunge kienet inkoraġġita minn qassis Taljan biex tmur Ruma u tkompli tistuja l-Liturġija. Hekk għamlet u wara li kisbet Dottorat fil-Liturġija Mqaddsa, irritornat lura fil-Komunità tas-Sorijiet ta’ St. Joseph f’Mombassa fejn illum qed tgħallem lis-seminaristi fl-Universita Kattolika.

Meta l-komunità tagħha kinet qed tiffaċċja battalja legali fuq xi proprjetà li kienet wirtet mingħand negozjant mill-Kenya, indunat li kienet tifhem ukoll il-liġi. “Irrealiżżajt li fil-kongregazzjoni kellna bżonn lil xi ħadd biex jieħu ħsieb dawn l-affarijiet u għalhekk iddeċidejt li nitgħallem il-liġi”.

Wara li ħadet ukoll xi klassijiet privati, iggradwat fil-liġi ċivili, b’sorpirża għal ħafna membri tal-komunità tagħha li ħasbu li kienet qed tistudja l-Liġi Kanonika u mhux il-Liġi Ċivili. “
Ħafna drabi meta ngħid lin-nies li jien avukat anqas jemmnuni”.

“Minħabba s-soċjetà li ngħixu fiha, speċjalment hawn fl-Afrika, in-nies iħarsu lejja bħala soru u jistaqsu jekk hux vera jien avukat u x’tip ta’ kawżi kapaċi nagħmel”, kompliet tgħid is-Soru lill-aġenzija CRUX.

Fil-fatt nista’ nagħmel diversi tipi ta’ kawżi minn dawk fuq artijiet, bini, problemi domestiċi. Darba wara li dehret fil-Qorti bil-libsa ta’ soru u mhux bit-toga u l-parrokka ta’ avukat, l-Imħallef ma riedx jisma’ l-appell tagħha u ġiegħla tirritorna darb’oħra biex jisma’ l-każ tagħha.

Filwaqt li l-Imħallef jista’ jkollu diffikulta jirrikonċilja ż-żewġ vokazzjonijiet ta’ din is-soru, hi tqishom bħala kompatibbli ma’ xulxin u dawk ta’ avukat hu estensjoni tax-xogħol li ilha tagħmel bħala soru.

Liġi u moralita

“L-ewwel ħaġa li studjajna kienu l-liġi u l-moralità, fil-kors tal-liġi. Dawn imorru id f’id għax huma l-prinċipji gwida f’kull soċjetà”. Sostniet Sr. Katunge.

Fil-fatt hi qed tiffaċċja sfida oħra, din id-darba fil-Knisja Kattolika li sal-lum qisha club’ tal-irġiel. Tgħid li hi mhux interessata f’xi tip ta’ ordinazzjoni imma trid tpoġġi l-ħin u l-enerġija tagħha biex in-nisa jkollhom vuċi ugwali daqs l-irġiel u ma għandhom jiddejqu jitkellmu.

Sr Katunge tiċħad l-idea li l-Papa Franġisku hu għama fejn tidħol it-tmexxija min-nisa. “Inħobb lill-Papa Franġisku. Hu eżatt it-tip ta’ Papa li l-Knsija għandha bżonn bħalissa. Hu ma jħarisx lejn bħala nisa u rġiel imma jħares lejn l-iżvilupp tal-umanità kollha. Aħna ma għandniex inkunu f’kompetizzjoni kontra xulxin imma naħdmu flimkien biex ngħinu tinbena soċjetà aħjar, speċjalment fl-Afrika, issostni s-soru.