Sorpriża għal Enzo u Carmen Gusman f’okkażjoni tal-50 anniversarju ta’ żwieġ

Kien bħal-lum 50 sena ilu, nhar is-6 ta’ Diċembru tal-1970, li Enzo Gusman u Carmen Schembri wegħdu mħabbithom lil xulxin. Għal dan il-jum Enzo, li għadu rikoverat fi sptar fil-Kanada, għandu sorpriża hekk kif għal din l-okkażjoni, grazzi għall-ħidma ta’ Patri minn San Pawl il-Baħar, ħabib ta’ Enzo, il-koppja Gusman irċevew envelop mill-Belt tal-Vatikan u li fih kien hemm ċertifikat mill-Papa Franġisku, bil-barka tiegħu għall-għeluq il-50 sena avviversarju tagħhom.

L-istorja ta’ Enzo u Carmen tmur lura ferm iktar minn ħamsin sena meta kienu għadhom l-iskola, u Enzo kien jgħaddi minn quddiem l-iskola ta’ Carmen biex jaraha tidħol. Qatt però ma kienu ltaqgħu.

Darba waqt rehearsals ta’ festival li t-tnejn li huma kienu qed jikkompetu fih, Enzo u ħabib tiegħu, flimkien ma’ Carmen u l-kantanta Tessie Micallef spiċċaw il-Golden 7 jieħdu xi ħaġa flimkien. Kien minn hemm li bdiet l-istorja tagħhom li però spiċċat wara madwar sena.

Iżda sitt xhur wara Enzo rrealizza liema naħa kienet qed tħabbat qalbu u mar lura għand Carmen. Madwar tlett snin wara, it-tnejn li huma fl-età ta’ 23 sena, huwa għamlu l-pass biex jiżżewġu u bnew familja. Għandhom żewġt ulied, Johanna u Greta.

Enzo u Carmen huma nanniet ta’ erba’: Diego, Skylar, Jack u Summer Rose.

Bħalissa Enzo għadu fil-bżonn ta’ ħafna talb, madanakollu f’din l-okkażjoni nistednukhom biex tħallu messaġġ ta’ awguri lil Enzo u lil Carmen. Nassigurawkom li Carmen se tkun qed twassal dawn il-messaġġi lil Enzo proprju llum.

Awguri Enzo u Carmen, għal aktar snin ta’ mħabba u rispett.

Ħalli l-messaġġ tiegħek ta’ awgurju lil Enzo u lil Carmen hawn taħt.