Sorijiet se jiltaqgħu f’Ruma jfittxu “dak li hu ġdid”

Suor Carmen Sammut, (lemin)Kap tal-Għaqda Internazzjonali tas-Superjuri Ġenerali tal-Kongregazzjonijiet tas-Sorijiet, f’konferenza fil-Vatikan fl-aħħar jiem

Mijiet ta’ Superjuri ta’ kongregazzjonijiet ta’ sorijiet reliġjużi din il-ġimgħa qed jiltaqgħu f’Ruma biex jiddiskutu d-djalogu inter-reliġjuż, ir-relazzjonijiet inter-kulturali u l-ħarsien tal-ambjent, b’mira speċjali fuq “dak li hu ġdid”.

“Flimkien nistgħu nsibu ‘il-ġdid’ li l-Ispirtu qed jiżra” qalu s-Superjuri tas-sorijiet f’laqgħa mal-media fil-Vatikan. Huma ddeskrivew din il-laqgħa bħala “avveniment profetiku u opportunità biex jibdew “vjaġġ ġdid biex ikunu xhieda ta’ mħabba u tama għal kulħadd”, speċjalment nisa, tfal, żgħażagħ u foqra.

450,000 soru

Aktar minn 850 Superjura minn aktar minn 80 pajjiż, li bejniethom jirrappreżentaw madwar 450,000 soru se jattendu din il-laqgħabejn is-6 u l-10 ta’ dan ix-xahar.

It-tema għal din il-laqgħa, li ssir kull tliet snin, se tkun “Niżirgħu Tama Profetika”. Din it-tema titlob lis-Superjuri reliġjużi jwieġbu numru ta’ mistoqsijiet li għandhom fihom u tinkoraġġihom jirrikonoxxu l-valuri ta’ min jiżra’  t-tama, valuri li huma diġa’ għandhom.

Il-laqgħa hi sejħa fundamentali biex is-sorijiet isiru promoturi tat-tama biex il-kongregazzjonijiet rispettivi tagħhom “jinkarnaw il-Knisja Samaritana” li tkun kapaċi tkun qrib “ħafna vittmi ta’ vjolenza fost l-indifferenza globali”.

Skont Sister Carmen Sammut, Presidenta tal-Għaqda Internazzjonali tas-Superjuri Ġenerali tas-Sorijiet, it-teknoloġiji ġodda u l-innovazzjoni għandhom rwol speċjali biex titjieb il-komunikazzjoni bejn il-kongregazzjonijiet reliġjużi. “Irridu ngħixu l-ħajja reliġjuża tagħna b’mod li jagħmel sens fiż-żminijiet tal-lum. Quddiem  il-ħafna sfidi li l-komunitajiet u l-mexxejja internazzjonali qed jiffaċċjaw, is-sorijiet qed jistaqsu lilhom infushom, x’inhu l-pass li jmiss.

Il-futur tal-ħajja reliġjuża

Fl-ewwel jum tal-laqgħa se jkun diskuss il-futur tal-ħajja reliġjuża. “Nirrealizzaw li n-numru ta’ sorijiet qed jonqos f’xi pajjiżi u jiżdied f’oħrajn. Il-ħajja reliġjuża u l-benefiċċji tagħha għall-Knisja u għad-dinja ma tiddependix min-numri imma aktar fuq l-impenn lejn Kristu u lejn dawk li aħna mibgħuta biex ngħinu. L-aħjar mod kif nistgħu ngħinu lil dawk vulnerabbli hu billi nadattaw is-servizzi tagħna għall-ħtiġijiet tal-lum,” qalet Sister Carmen.

Hi rriferiet għal aktar minn 10,000 orfanatrofju Kattoliku madwar id-dinja u qalet li se jiddiskutu kif it-tfal li hemm fihom “nistgħu noffrulhom strutturi familjari minflok kura istituzzjonalizzata”.

Laqgħat oħra se jiffukaw fuq il-komunikazzjoni u t-teknoloġiji, il-kura tal-minuri li kienu abbużati sesswalment, kif il-vuċi tas-sorijiet se tibda tinstema fis-Sinodi tal-Isqfijiet, u kif is-sorijiet jingħataw sehem akbar f’laqgħat dominati mill-qassisin u l-patrijiet u l-ogħla uffiċjali tal-Knisja.

Nuns Healing Hearts

Laqgħat oħra se jiffukaw fuq id-diversità li dejjem qed tikber fis-soċjetà u fil-Knisja. “Irridu ngħaddu mill-multikulturaliżmu għall-inter-kulturaliżmu” sostniet Sr. Sammut fil-konferenza tal-aħbarijiet li saret fil-Vatikan. Is-sorijiet huma msejħa “biex jibnu ponitijiet bejn popli ta’ kulturi u reliġjonijiet differenti u għalhekk se niddiskutu wkoll id-djalogu inter-reliġjuż”.

Fl-aħħar ġurnata tal-laqgħat is-sorijiet se jiddiskutu l-ħarsien tal-ambjent, ispirati mill-Enċiklika Laudato Si tal-Papa Franġisku. Fl-10 tax-xahar is-Superjuri se jkollhom udjenza privata mal-Papa Franġisku li fiha l-Papa mistenni jniedi l-Kampanja “Nuns Healing Hearts” ad unur Talitha Kum, kontra t-traffikar uman.

Il-Kampanja hi sponsorjata mill-Fondazzjoni Galileo b’kollaborazzjoni mal-Għaqda tas-Suprjuri Ġenerali tas-sorijiet u t-Taqsima tal-Vatikan għall-Emigranti u r-Refuġjati.