Sorijiet Karmelitani jiffjorixxu fl-Uruguay

Carmelite Sisters flourishing in Uruguay

Madwar id-dinja, l-Knisja tinsab taħt attakk. L-iskandli tal-abbużi sesswali qed jagħmlulha ħsara kbira. In-numru ta’ qassisin u reliġjużi qed jonqos kullimkien. Madankollu, bħalissa, f’wieħed mill-aktar pajjiżi anti-Kristjani, komunità partikolari qed tispikka. Dawn huma s-Sorijiet Karmelitani Skalzi ta’ Florida, fl-Uruguay.

Skont rapport ta’ Aid to Church in Need fil-kunvent ta’ dawn is-sorijiet bħalissa hemm 12-il soru. Tmienja huma sorijiet professi, tnejn għandhom voti temporanji u żewġ novizzi. Hemm numru ta’ tfajliet oħra li jixtiequ jidħlu fil-komunità.

Is-sejħa

Kull waħda minn dawn is-sorijiet żgħażagħ għandha l-istorja tagħha dwar kif Alla sejjħilha għal din il-vokazzjoni.

Suor Maria kien għad għandha 16-il sena meta fl-2013 waqt pellegrinaġġ li kienet qed tagħmel ħasset ġibda f’qalbha. “Int tajtni kollox, Mulej, u jien irrid nagħti kollox lilek”. Din kienet it-talba tagħha, avolja ma kenitx taf eżatt xi jrid minnha Alla.

Kienet diġà għarusa u tħobb lill-għarus tagħha Fernando. Iltaqgħet ma’ soru Karmelitana u qrat “l-Istorja ta’ Qalb” miktub minn Santa Tereża ta’ Lisieux. F’qalb kibret ix-xewqa li tidħol għal ħajja reliġjuża. Darba minnhom waqt li qed titlob qalet: “Biżżejjed! Tibgħatlix atkar sinjali jekk jogħġbok!”.

Hi xtaqet issir Soru Karmelitana iżda fl-istess waqt riedet issir tabiba u omm ta’ familja.  Flimkien mal-għarus għamlu Novena lil San Ġużepp. Ftit xhur wara fetħet qalbha ma’ soru Karmelitana li qaltilha “San Ġużepp bagħtek hawn wara li fil-kunvent tlabna li jkollna xi vokazzjoni ġdida”.  Wara dan il-kliem,  id-dubji li kellha saru ċertezza.

Ħassret l-għerusija

Ħassret l-għerusija. Fernando kien diġà beda jantiċipa x’kien se jiġri u beda jiddubita wkoll dwar il-vokazzjoni tiegħu stess.  Illum Fernando hu Seminarista f’Montevidewo.  Fl-età ta’ 19-il sena Marija daħlet fil-kunvent minkejja li l-ġenituri u l-ħbieb ippruvaw jikkonvinċuha mod ieħor.

Imma s-sorijiet ukoll kienu qed jitolbu fil-kunvent.  Darba bil-lejl Maria kitbet lill-ġenituri tagħha, qabżet it-tieqa tad-dar għal barra u marret tħabbat fuq il-bieb tal-kunvent tas-sorijiet. Illum hi tgħid: “Jien kuntenta, ferħana li jien l-għarusa ta’ Kristu.”

Suor Maria Belen ukoll ħasset qalbha tħabbat. Aktar ma kienet taħdem fil-parroċċa aktar bdiet tħoss li għandha toffri lilha nfisha, kollha kemm hi, lil Alla. Zijuha li kien qassis, miet f’inċident tat-traffiku u fin-niket tagħha ħasset lil Alla jgħannaqha miegħu.

Hi wkoll qrat il-ktieb “Storja ta’ Qalb” u sentejn wara, meta saret midħla tal-Karmelu qalet: “Din hi d-dar tiegħi, il-bieb lejn il-Ġenna.”

Illum hemm aktar tfajliet iħabbtu fuq dan il-bieb. Huma wkoll iridu jagħtu kollox. Iżda ma hemmx spazju biżżejjed għalihom kollha.  Fil-kunvent qed issir tkabbir għal ħames ċelel oħra. Aid to Church in-Need wegħdet is-somma ta’ €70,000 biex ikun jista jitkabbar il-kunvent.