Sorijiet jitolbu għal aktar sigurtà wara li kienu attakkati fi skola

Il-ħerba u l-ħsara fl-iskola Kattolika tas-sorijiet fl-Indja

Sorijiet tal-Qalb Immakulata ta’ Marija li jmexxu il-Little Flower Higher Secondary School f’Chinnasalem fl-Indja qed jitolbu l-Gvern tal-pajjiż biex joffrilhom aktar sigurtà biex ikunu jistgħu jkomplu bil-missjoni tagħhom, wara li ftit ilu kienu attakkati fl-iskola fejn jgħallmu u uħud minnhom spiċċaw l-isptar.

Is-Sorijiet qalu li huma mpenjati li jkompli fil-ministeru tagħhom li joffru edukazzjoni lit-tfal, imma jridu aktar sigurtà wara l-attakk li seħħ fis-26 tax-xahar li għadda.

Dakinhar membri ta’ organiżazzjoni Hinduista attakkaw l-iskola msemmija, sawwtu u ppruvaw jifgaw numru ta’ sorijiet u kkaġunaw b’kemm jiswew $150,000 fi ħsarat. Il-grupp li wettaq l-attakk hu assoċjat mal-Partit Janata tal-Prim Ministru Narenda Modi li ilu fil-Gvern mill-2014. Minn kemm ilu dan il-Gvern żdiedu l-attakki fuq il-minoritajiet reliġjużi fosthom l-insara u l-musulmani.

Ġimgħa l-isptar

Sister Devaseer Mary Siria Pushpam, is-Superjura tas-Sorijiet tal-Qalb Immakulata ta’ Marija qalet li “tnejn mis-sorijiet tagħna ħarġu mill-isptar fir-3 ta’ dan ix-xahar wara ġimgha sħiħa, fejn kellhom jittieħdu għall-kura minħabba l-feriti li ġarrbu fl-attakk. Waħda minn barra ġrieħi f’sieqha kellha wkoll feriti serji fl-istonku u fl-intern filwaqt li soru oħra sfat b’feriti f’għonqha. Tliet sorijiet oħra ngħataw kura u ħarġu mill-isptar ftit wara.”

“Dan l-inċident jirrifletti wkoll l-istat tad-dinjità tal-mara.  L-aggressuri ma wrew ebda rispett lejn il-persuna tas-sorijiet kif jidher mill-feriti li għamlulhom”, qalet is-superjura lill-aġenzija tal-aħbarijiet “Crux”.

Fl-attakk li seħħ wara li waħda mill-istudenti kkommettiet suwiċidju qabel eżami li kellha tagħmel, ħadu sehem mijiet ta’ persuni li farrku u serqu mill-klassijiet, kissru t-twieqi u vvandalizzaw il-kappella tal-iskola filwaqt li anke talbu xi flus lis-sorijiet.

Il-Konferenza Episkopali tal-Indja fi stqarrija esprimiet ix-xokk u l-weġa’ tagħha għall-attakk li fih sfaw feruti sorijiet u ħaddiema tal-iskola. “Aħna jiddispjaċina għall-mewt tal-istudenta għax beżgħat li mhux se tgħaddi minn eżami tal-matematika. Noffru l-kondoljanzi lill-familja tagħha u nitolbu għal ruħ l-istudenta.

L-Isqfijiet jikkundannaw

“Madankollu aħna nkwetati ħafna bil-vjolenza mwettqa kontra s-sorijiet u l-ħaddiema tal-iskola u nikkundannawha bil-qawwa kollha”. Dawn is-sorijiet ilhom għal 74 sena sħaħ jipprovdu edukazzjoni ta’ kwalità lil subien u bniet ta’ familja fqar.

L-Isqfijiet qalu li din il-vjolenza kontra studenti innoċenti, ħaddiema u sorijiet reliġjużi m’hix aċċettabbli, ta’ diżunur u kundabbli.

Is-Sorijiet jaħfru

“Il-mod kif twettaq l-attakk, bil-grupp jinqasam biex jattakkal-iskola u d-dar tas-sorijiet b’mod sistematiku fl-istess ħin juri li l-intenzjoni mal-marmalja kienet li jinqatlu n-nies. Il-mira speċifika fuq is-sorijiet u l-postijiet reliġjużi u l-attakk sagrilegu fuq is-salaleb li jilbsu s-sorijiet b’attentat biex jifgawhom bil-katina li żżomm is-salib madwar għonqhom, tikxef l-agħar parti tal-karattru uman”, sostnew l-Isqfijiet.

Għalkemm fl-attakk ħadu sehem aktar minn 200 persuna, kienu arrestati biss sitt persuni u tnejn oħra kienu nterrogati.

Minkejja dan is-sorijiet ħafru lil min attakkahom imma jitolbu li jkollhom aktar sigurtà biex attakki simili jkunu evitati biex ikompli bil-missjoni edukattiva tagħhom jekk ħajjithom tkun assigurata.