Sorijiet jisilfu binja lill-Papa biex jinżammu fiha r-refuġjati

Read in English.

L-Uffiċċju tal-Karitajiet tal-Papa fil-Vatikan irċieva binja f’Ruma minn kongregazzjoni reliġjuża tan-nisa biex tintuża bħala xelter b’xejn għall-immigranti u r-refuġjati li jaslu fl-Italja. Dan skont kif irrappurtat mill-ġurnal tal-Vatikan.

Il-Kardinal Konrad Krajewski ħareġ dikjarazzjoni t-Tnejn fejn ħabbar li s-Sorijiet Servjenti tal-Providenza Divina ta’ Katanja kienu qed jirrispondu għall-istedina tal-Papa Franġisku, li fl-Enċiklika Fratelli Tutti jirrepeti kemm-il darba l-importanza li nospitaw lill-immigranti li qed jaħarbu mill-gwerer, prosekuzzjoni u katastrofi naturali.

Is-Sorijiet offrew il-binja tagħhom f’Via della Pisana b’xejn sabiex tintuża għal dan l-iskop. Il-Kardinal Krajewski qal li l-binja tas-sorijiet magħrufa bħala Villa Serena se tintuża biex fiha jgħixu r-refuġjati, partikolarment nisa singli, nisa li għandhom tfal żgħar u familji vulnerabbli li jaslu l-Italja permezz tal-programm magħruf bħala Humanitarian Corridors.

Iċ-ċentru jista’ jakkomoda sa massimu ta’ 60 persuna u se jkun qed jospitahom fl-ewwel ftit xhur tal-wasla tagħhom. L-operaturi taċ-ċentru se jkunu qed jgħinu lir-refuġjati residenti sabiex isibu xogħol u eventwalment akkommodazzjoni ulterjuri.

Iċ-ċentru ta’ Villa Serena ġie mgħoddi lill-Komunità ta’ Sant’Egidio, li mill-2015 fetħet Humanitarian Corridors għar-rifuġjati mis-Sirja, l-Afrika u riċentament ukoll mill-Greċja, partikolarment il-gżira Lesbos. S’issa, dan il-proġett laqa’ u akkumpanja aktar minn 2,600 persuna, inkluż għadd ta’ minuri, fil-proċess tagħhom ta’ integrazzjoni.