Sorijiet isostnu li n-nisa jilħqu l-milja tagħhom bil-ħidma man-nies

Sorijiet li qed jattendu s-Sinodu flimkien mal-Papa

Il-Papa Franġisku sejjaħ għal preżenza akbar tan-nisa fil-Knisja Kattolika u dan l-appell qajjem diskussjoni dwar l-ordinazzjoni ta’ qassisin nisa – ħaġa li l-Papa eskluda.

Nhar l-Erbgħa li għadda, diversi sorijiet, nisa u tfajliet li jinsabu f’żoni ta’ kunflitt, tkellmu dwar dan is-suġġett u nsistew li filwaqt li hu mportanti li n-nisa jkollhom aktar sehem fit-tmexxija tal-Knisja, in-nisa jilħqu l-milja tagħhom mhux billi jitilgħu s-sellum tal-ġerarkija imma billi jkunu nkoraġġiti jaħdmu man-nies fuq livell lokali.

Sister Orla Treacy, membru tal-Istitut tal-Verġni Marija li hi l-kap tal-Loreto Rumbek Mission fis-Sudan t’Isfel, qalet li bħala mara Irlandiża, il-fehmiet tagħha dwar is-sehem tal-mara fil-Knisja Kattolika nbidlu b’mod drammatiku wara li ilha 13-il sena taħdem fis-Sudan.

“Ħafna drabi meta n-nies jistaqsu dwar sehem il-mara fil-Knisja jkunu qed jirreferu għal knisja ġerarkika u t-tmexxija tagħha. Madankollu fis-Sudan t’Isfel, aħna qed naħdmu man-nies u nippruvaw naqdu l-bżonnijiet tagħhom u hu f’din l-għalqa li naraw il-Knisja”.

Għajnuna lit-tfal

Is-soru, li tieħu ħsieb skola sekondarja tat-tfajliet, skola primarja tas-subien u l-bniet u faċilità sanitarja għat-tfal qalet li x-xogħol jinvolvi “ngħinu lit-tfal biex ikollhom vuċi fil-komunità tal-Knisja lokali u ngħinuhom jimxu ‘l quddiem”.

Is-Soru kienet qed titkellem f’symposium organizzat mill-Ambaxxata tal-Istati Uniti għall-Vatikan bit-tema “In-Nisa fuq Quddiem” li ffoka fuq il-ħidma u l-istejjer ta’ diversi sorijiet reliġjużi li jaħdmu f’żoni ta’ kunflitt.

Sr Treacy semmiet l-eżempju ta’ tifla li kienet tattendi l-iskola li kienet tmexxi. Din it-tifla, minn żona rurali barra r-raħal marret l-iskola u bdiet miexja ‘l quddiem fil-klassi. Iżda wara t-tieni term, meta kien għad kellha 16-il sena, marret lura fil-familja u qalulha li kellha tiżżewweġ lil wieħed li diġa’ kellu tliet nisa u kellu jipprovdi għalihom.

It-tifla rrifjutat li tagħmel dan. Sfat imsawwtu u qalulha li kellha tiżżewweġ bilfors. Meta kienet sejra biex tiltaqa’ ma’ dak li kellu jkun żewġa ħarbet, iżda malajr sabuha, sfat imsawwta u nsistew li kellha tiżżewweġ.  Din it-tfajla rnexxielha terġa’ taħrab u nħbiet sakemm il-familja qatgħet qalbha tfittixha. Imbagħad it-tifla reħgħet bdiet tmur l-iskola.

Skont Sr Treacy it-tifla nsistiet li l-aħjar mod kif setgħet tgħin lill-familja tagħha kien billi teduka lilha nnifisha u mhux billi tintrabat f’ħajja ta’ faqar.

Fil-laqgħa tkellmet ukoll Sister Anne Falola, membru tas-Sorijiet Missjunarji tal-Madonna tal-Appostli li taħdem ma’ nisa f’żoni ta’ kunflitt fin-Niġerja.

Fil-fehma tagħha in-nisa baqgħu lura minħabbal-istorja u l-kultura tal-Afrika li qatt ma rrispettat il-vuċi tal-mara.

Id-direzzjoni t-tajba

Madankollu, bl-insisenza tal-Papa Franġisku li jkun hemm preżenza aktar inċisiva tan-nisa fil-Knisja, anke f’livell fejn jittieħdu d-deċiżjonijiet, Sr Falola tħoss li “l-affarijiet mexjin fid-direzzjoni t-tajba”.

Ħafna drabi d-diskussjoni dwar in-nisa fil-Knisja tħares biss “lejn siġġu mal-mejda” iżda din is-soru tħoss li “n-nisa diġa’ għandhom saħħa fil-Knisja u l-irġiel jibżgħu ħafna jekk in-nisa jingħataw aktar poter milli għandhom għax imbagħad l-irġiel jispiċċaw b’xejn”.

Mistoqsija jekk il-kontribu tan-nisa fil-Knisja hux rikonoxxut biżżejjed is-soru wieġbet sempliċement “Le”

Sister Crescencia Sun tal-Kongregazzjoni tal-Madonna tal-Missjoni li taħdem fi klinika fl-Indja fuq il-fruntiera mal-Bangladesh u li fit-30 sena li ilha taħdem hemm ippruvat tagħti aktar poter lin-nisa u t-tfajliet, qalet li ħafna drabi jkollha problemi ma’ Kappillani fl-irħula li taħdem fihom.