Sorijiet fl-Amazonia jisimgħu l-Qrar

Sorijiet jivjaġġaw fuq ix-xmajjar biex jilħqu nies f'żoni remoti

L-ewwel laqgħa tas-Sinodu semgħet dwar l-esperjenza ta’ sorijiet fil-villaġġi tal-Amazonia fejn il-qasisin rari jkunu preżenti jew jagħmlu xi żjara. “Aħna ma nistgħux nagħtu Assoluzzjoni, imma noffru serħan lil dawn in-nies”.

“Aħna qegħdin kullimkien u nagħmlu dak kollu li tista’ tagħmel mara mgħammda: nakkumpanjaw lin-nies indiġeni u meta l-qassis ma jistax ikun preżenti, anke ngħammdu lit-tfal u n-nies.  Jekk xi ħadd irid jiżżewweġ aħna nkunu preżenti u nixhdu għall-imħabba tal-għarajjew. Spiss kellna nisimgħu l-Qrar iżda ma tajbiex Assoluzzjoni. Fil-fond ta’ qalbna għidna li bl-umiltà li biha dan ir-raġel jew mara ġew għandna minħabba mard jew għax waslu qrib il-mewt – nemmnu li Alla l-Missier, hemmhekk jintervjeni”.

Dan hu l-kliem serju u dirett ta’ Sister Alba Teresa Cediel Castillo tal-Missjunarji ta’ Marija Immakulata u Santa Katerina ta’ Siena li tgħix fost il-poplu indiġendu tal-Colombia.  Hi ddeskriviet is-sitwazzjoni u d-diffikultajiet li tiltaqa’ magħhom fil-villaġġi tal-Amazonia u l-fatt li kultant ikun hemm koppji li jwiegħdu mħabbithom lil xulxin quddiem soru għax ma jkunx hemm qassis.

Sitwazzjonijiet diffiċli

Sr Teresa żiedet tgħid li jkun hemm nies li waslu fit-tarf ta’ ħajjithom jew ikunu f’sitwazzjoni diffiċli li ma jistgħux iqerru għand qassis għax ma jkunx hemm.  Dawn ukoll ifittxu s-sorijiet u jafdaw fihom id-dnubiet tagħhom. Naturalment aħna s-sorijiet ma nistgħu nagħtu Assoluzzjoni, jafu li ma jistgħux jagħmlu s-Sagrament tal-Konfermazzjoni u n-nies jafuh dan. Imma aħna nisimgħu u nitolbu magħhom. Is-sorijiet jafu li huma ma jistgħux iżewwġu huma iżda jistgħu jkunu preżenti.

Ftit snin ilu, meta kien qed jitkellem dwar il-Qrar, il-Papa Franġisku spjega li: Ġesù qal lill-Appostli tiegħu “Id-dnubiet li intom taħfru jkunu maħfura u dawk li ma taħfrux ikunu miżmuma’. Għalhekk l-Appostli u –suċċessuri tagħhom – l-Isqfijiet u l-Qassisin u l-kollaboraturi tagħhom, isiru strumenti tal-ħniena t’Alla. Jaġixxu f’isem Kristu. Dan hu sabiħ ħafna u għandha messaġġ profond għax aħna ħolqien soċjali.

“Jekk ma jistax titkellem dwar in-nuqqasijiet tiegħek ma’ ħuk jew oħtok, żgur li anqas titkellem dwarhom ma’ Alla u allura tispiċċa tqerr mal-mera, miegħek innifsek. Aħna ħlejjaq soċjali u l-maħfra għandha aspett soċjali, għax l-umanità, ħuti, is-soċjetà, iweġġgħu bid-dnub tiegħi.”

Jaġixxi f’isem Kristu

“Il-qrara quddiem qassis”, żied jgħid il-Papa, “hu mod kif inpoġġi ħajti f’idejn u f’qalb ħaddieħor li f’dak il-mumenti ikun qed jaġixxi f’isem Kristu. Dan hu mod kif tkun konkret u awtentiku: li tiffaċċja r-realtà billi tħares lejn bniedem ieħor u mhux tirrifletti lilek innifsek fil-mera”.

F’dan ir-rigward il-Papa Franġisku fakkar fl-istorja ta’ San Injazju: “Qabel bidel ħajtu u fehem li ried ikun suldat ta’ Kristu, kien iġġieled fil-battalja ta’ Pamplona. Serva fl-Armata tar-Re Karlu V ta’ Habsburg u ffaċċja l-Armata Franċiża. Spiċċa ferut gravi u ħaseb li kien se jmut. Dak il-ħin ma kien hemm ebda qassis fuq il-kamp tal-battalja. Għalhekk Injazju sejjaħ lil wieħed minn sħabu u stqarr dnubietu lilu.  Sieħbu ma setax jagħtih assoluzzjoni għax kien lajk. Iżda Injazju xorta ħass il-ħtieġa li jkun wiċċ imb’wiċċ ma ħaddieħor f’dak il-mument u hekk għamel. Din hi lezzjoni kbira”.

U din il-lezzjoni qed tkompli llum ukoll…fl-Amazonia.