Sorijiet fin-Niġerja jibqgħu għaddejjin minkejja periklu kontinwu

Grupp ta' Sorijiet tal-Qalb Immakulta ta’ Marija Omm Ġesù jaħdmu f'periklu kontinwu fin-Niġerja

F’dawn l-aħħar snin, il-ħidma tal-Knisja Kattolika fin-Niġerja saret xi ħaġa perikoluża. Qassisin u sorijiet u kultant anke lajċi qed jinħatfu minn gruppi kriminali bit-tama li mbagħad jitolbu ħlas għall-ħelsien tagħhom u l-Knisja jew kongregazzjoni reliġjuża tħallas biex jinkiseb dan il-ħelsien.

Iżda minkejja dan il-periklu kbir u evidenti kemm is-saċerdoti kif ukoll is-Sorijiet tal-Qalb Immakulata ta’ Marija Omm Ġesù huma determinati li jkompli bil-ħidma tagħhom ta’ evanġeliżazzjoni u għajnuna lill-foqra u persuni vulnerabbli.

L-Aġenzija “Vatican News”  tkellmet mas-Superjura Ġenerali ta’ din il-Kongregazzjoni, Madre Mary Claude Oguh li qalet li għalkemm is-sitwazzjoni hi waħda tal-biża’, ma jista’ jsir xejn. “Dan il-biża’ mhux se jwaqqafna milli nkomplu nerfgħu ir-responsabbiltajiet tagħna. Aħna nqumu filgħodu, noffru lilna nfusna lil Alla u hu jieħu ħsiebna tul il-ġurnata. Aħna nkomplu b’xogħolna. Jiġri x’jiġri, Alla jieħu ħsieb kollox.  Din hi l-attitudni tagħna”.

Fin-Niġerja mhux in-nies tal-Knisja biss jinħatfu. Imma meta jinħatfu nies li jaħdmu fi ħdan il-Knisja dan jibgħat messaġġ serju dwar is-sigurtà personali ta’ dawn in-nies.

Filwaaqt li l-politiċi, is-sinjuri, in-negozjanti u membri tal-korp diplomatiku għaddejjin fuq xogħlhom b’membri tas-sigurtà armati biex jipproteġuhom u f’karrozzi lussużi, in-nies tal-Knisja u ċ-ċittadini ordinarji ma jistgħux jagħmlu hekk.

Għall-ġid kbir li s-sorijiet jagħmlu mal-poplu Niġerjan, hi inġustizzja kbira li dawn qed jagħmlu dan ix-xogħol bit-theddida kontinwa mdendla fuq rashom li jistgħu jinħatfu minn persuni bla skrupli.

Minkejja dan il-biża’ kontinwu, Madre Mary Claude tgħid li hi ma bidlet xejn mir-rutina tax-xogħol tagħha u xorta għadha tivjaġġa biex iżżur il-kunventi tal-kongregazzjoni tagħha mifruxa madwar il-pajjiż kollu. Min-naħa tagħhom is-sorijiet joqgħodu attenti biex kemm jista’ jkun jevitaw il-periklu għax huma konxji ħafna mis-sigurtà tagħhom.

Ftit taż-mien ilu, is-Superjura Ġenerali ippruvat tagħlaq wieħed mill-kunventi tas-Sorijiet tal-Qalb Immakulta ta’ Marija Omm Ġesù li jinsab f’żona fejn ma kienx hemm sigurtà, iżda s-sorijiet stess ma riedux jiċċaqalqu għax ma riedux iħallu t-tfal tal-iskola weħidhom u bla tagħlim.