Sorelle jixxandar mill-ġdid mil-lum

Ritratt: Ivan Borg

Is-serje popolari Sorelle se terġa’ tibda tixxandar mil-lum it-Tnejn 29 ta’ Ġunju b’żewġ episodji wara xulxin li se jixxandru fuq TVM2 mit-Tnejn sal-Ġimgħa fis-1.15pm. Is-sensiela għandha produzzjoni ta’ Rewind b’kitba ta’ Dr Michael Vella Haber u Evelyn Saliba La Rosa.

Dan hu dak li se jiġri gurnata b’ġurnata fl-episodji li se jkunu qed jixxandru matul l-ewwel ġimgħa ta’ repetizzjonijiet.

It-Tnejn 29 ta’ Ġunju

Naraw lil Meg tgerger għaliex ma tridx tiekol il-minestra. Ommha Maxine x’qaltilha? Naraw vann ġej b’veloċitá qawwija… x’ġara? Min rahom u x’għamlet? Maxine fejn qed tmur filgħaxija? X’inhu jiġri l-għassa tal-pulizija? Ma’ min qed tiltaqa’? X’qalu l-pulizija dwar dik li kienet ċemplet?

Il-Maġġur Bonaci tkellem ma’ Vince dwar dak li kien ġara…x’qalu? Nerġgħu niltaqgħu ma’ Maxine u l-psikjatra Janice… dwar xiex tkellmu f’din is-sezzjoni? X’ġara bejn Rose u Leo… x’rat Maxine dakinnhar u għaliex kienet id-dar u mhux l-iskola?

It-Tlieta 30 ta’ Ġunju

Maxine spjegat lil Janice dak kollu li kien ġara bejn ommha Rose u l-ħabib tal-familja Leo… X’reazzjoni kellha? X’telefonata kienu qed jistennew Leo u Paul? X’se jiċċelebraw… u Leo x’qalilha lil Rose dwar il-vjaġġ li kellu jagħmel Paul?

Min mar id-dar ta’ Rose u Paul iħabbat fuq il-bieb filgħaxija fit-tard u għaliex ma riditx tiftaħ? X’qaltilha Maxine u ommha ammettiet jew ċaħdet dak kollu li kienet qaltilha? Paul wasal lura mis-safar… għaliex irid jistieden lil ħbieb tiegħu? Maxine fiex tidħol? X’aħbar kellha Bella u għaliex qed tafda lil Rose? Paul u Bella ħarġu… min mar iħabbat il-bieb meta t-tfal kienu waħidhom?

L-Erbgħa 1 ta’ Lulju

Insiru nafu min kien mar fit-tard iħabbat id-dar ta’ Rose u Paul. X’kien mar jagħmel? X’ġara? Janice qalet lil Gina biex iċċempel lil Maxine… x’riedet tgħidilha? Nerġgħu naraw lil Maxine tirrakkonta dak li kienet għaddiet minnu… min kien mar ukoll dak in-nhar fatat u x’opinjoni kellha ta’ Leo?

Nerġgħu nsibu ruħna għand il-psikjatra… tgħid Maxine x’se tgħidilha llum? Min kienet Sister Angela u x’kellha x’taqsam mat-tfal? U Maxine x’qaltilha dwarha lil Janice? Il-Madre kellmet lil Sister Angela… x’qaltilha… x’wissietha?

Il-Ħamis 2 ta’ Lulju

X’ġara minnha Louisa? Leo u Bella tkellmu fuq it-tfal… Bella għaliex kienet inkwetata? U Maxine kif saret taf x’kien intqal dwarhom? Il-psikjatra x’opinjoni kellha dwar l-affidament tagħhom? L-avukat Inguanez kellem lil Leo u lil Bella dwar it-testment li kienet għamlu Rose u Paul… x’reazzjoni kellhom?

L-avukat Inguanez jispjega fid-dettall dak kollu li jkun hemm fit-testment. X’qalulu Leo u Bella? Aċċettaw kollox jew inkella qalulu li kellhom jitkellmu bejniethom fil-privat? Min ċempel lil Janice? Leo x’qalilha lil Madre u Sister Angela x’taħseb dwar dan kollu?

Il-Ġimgħa 3 ta’ Lulju

Jodi kienet qed tibki… għaliex… u Maxine x’qaltilha? Bella u Maxine tkellmu fit-tul… x’qalu? Min mar jitlob fil-kappella u x’marret tagħmel? Inkomplu nsegwu lil Maxine u lil Janice waqt it-terapija.

Janice kellmet lil Maxine dwar Jodi… x’qaltilha u Maxine x’risposta kellha lesta għaliha? Għaliex Jodi u Maxine kienu ġġieldu… u Leo biex akkużaha lil Jodi? Omm Janice reġgħet ċemplet… x’riedet u Maxine x’għamlet? Gina tinsab inkwetata ħafna… għaliex?