Soppa tat-Tadam

Ingredjenti

650g tadam

2 sinniet tewm

basla kbira

2 zkuk karfus

100g bejken

2 mgħaref żejt

weraq tal-ħabaq

Stokk tal-ħaxix

melħ

bżar iswed mitħun

2-3 mgħarfa kunserva

mgħarfa cornflour

150ml single cream jew jogurt

Metodu

Ismot it-tadam ħalli wara tqaxxru u tqattgħu biċċiet u tneħħi ż-żerriegħa.

Isħaq it-tewma u qatta’ l-basla fina ħafna.

Aħsel il-krafas u qatta’ rqiq.

Neħħi l-ġilda tal-bejken u qatta’ biċċiet żgħar.

Poġġi t-tewm, il-krafas, il-basla, il-bejken u żejt ġo kazzola kbira u aqli bil-mod għal 5 minuti jew sakemm il-basla tirtab u ssir trasparenti. Żid it-tadam imqatta’ u l-ħabaq u kompli sajjar għal 5 minuti oħra. Żid l-istokk, il-bżar u l-melħ u ħallih jiftaħ jagħli. Għattih u ħallih itektek għal 15-il minuta jew sakemm it-tadam jirtab sew.

Neħħi minn fuq in-nar u ħalli t-taħlita tiksaħ għal 5 minuti. Għaddiha minn blender jew food processor sakemm issir purea.

Erġa’ poġġi kollox fil-kazzola u żid il-kunserva bi ftit ilma.

Ħawwad il-cornflour ma’ ftit ilma u żid mat-taħlita.

Kompli ħawwad is-soppa sew u sajjar sakemm tagħqad ftit.

Biex isservi

Poġġi s-soppa ġo suppiera msaħħna minn qabel u ħawwad il-krema jew jogurt ħafif ġo fiha.

Żejjen bil-weraq tal-ħabaq.

Mas-soppa tista’ sservi wkoll ħobż frisk jew ħobż mixwi.

Għal togħma aktar aħjar tista’ żżid minn 2-3 mgħaref port mas-soppa.