Sophie tinduna b’€19,235 mhux iddikjarati

Read in English.

Id-Dipartiment tad-Dwana ħabbar li l-kelba Sophie rnexxielha ssib €19,235 li ma kinux ddikjarati.

Id-Dipartiment tad-Dwana qal li dawn il-flus instabu għand passiġġier Rumen li kien se jaqbad il-katamaran għal Sqallija. Żiedu li meta ġie mistoqsi jekk kellux xi ħaġa x’jiddikjara huwa qal li ma kellux madankollu wara li saru diversi spezzjonijiet irriżulta li kellu fuqu €19,235.

Fl-ewwel sitt ijiem ta’ dan ix-xahar id-Dipartiment tad-Dwana rnexxielha ssib €47,985 mhux iddikjarati fost dawn kien hemm persuna mill-Iżrael li waslet Malta minn Sqallija li ma ddikjaratx li kienet qed iġġorr €11,430. Matul l-2020 id-Dipartiment tad-Dwana rnexxielu jinterċetta total ta’ €643,772 flus mhux iddikjarti 39 każ separat. Fl-istqarrija tagħhom id-dipartiment qal li minkejja l-pandemija, id-Dwana se tibqa’ tagħmel l-almu tagħha biex twaqqaf li fil-Gżejjer Maltin jiddaħħlu flus li mhumiex iddikjarati.

Ir-Rumen li nqabad iktar kmieni llum aċċetta li jħallas il-multa u ma jitressaqx il-Qorti. Id-Dwana fakkret li flus jew ċekkijiet iffirmati li jaqbżu l-€10,000 għandhom jiġu ddikjarati mad-Dwana meta persuna tkun se toħroġ jew tidħol f’Malta.