Solvuti 7 serqiet f’Għawdex wara s-serqa sfrattata tal-bieraħ

F’Għawdex ġew solvuti seba’ serqiet li seħħew jew kienu se jseħħu fl-aħħar jiem, wara li l-Pulizija lbieraħ arrestat koppja barranija ftit wara attentat ta’ serqa f’ħanut fir-Rabat Għawdex.
Il-koppja, Belġjan ta’ 37 sena u Taljana ta’ 21 sena kienu arrestati ftit tal-ħin wara li sgassaw bieb ta’ ħanut għall-ħabta tat-3.30pm fi TriqTaħt Putirjal. Dak il-ħin ġew wiċċ imb wiċċ ma’ sid il-ħanut u telqu jiġru. Is-sid telaq jiġri warajhom u ltaqa’ ma’ pulizija tat-traffiku.  L-uffiċjal saq warajhom filwaqt li sejjaħ għal aktar għajnuna.
Għalkemm il-mara ħarbet, ir-raġel kien arrestat f’bitħa ta’ fabbrika antika. Il-mara ġiet identifikata u arrestata llum.
Mill-investigazzjonijiet tal-pulizija rriżulta li l-istess koppja lbieraħ kienet involuta fi tliet serqiet u żewġ attentati minn ħwienet fir-Rabat stess. Irriżulta wkoll li f’Diċembru wettqu żewġ serqiet oħra f’Għajnsielem.
Il-barranin mistennija jitressqu l-qorti fil-jiem li ġejjin.