“Solidarjetà mhux biss bil-flus imma b’azzjoni konkreta” – l-Isqfijiet

L-Isqfijiet Maltin appellaw biex Malta flimkien mal-Unjoni Ewropea turi solidarjetà mal-immigranti li jiġu bil-baħar mhux biss bil-flus imma b’azzjoni konkreta.

Fi stqarrija ffirmata mill-Arċisqof Charles Scicluna, l-Isqof ta’ Għawdex Mario Grech u l-Isqof Awżiljarju Joseph Galea-Curmi, ħeġġew għal għażliet kuraġġużi li jkunu dejjem favur il-ħajja.

Ilbieraħ, il-Kummissjoni tal-Knisja Ġustizzja u Paċi flimkien ma’ 17-il għaqda oħra qalu li Malta għandha obbligu li toffri rifuġju għal dawk li qed jaħarbu mill-persekuzzjoni ta’ pajjiżhom.

 “Tħassib serju li l-Ewropa tirrifjuta li toffri kenn”

L-Isqfijiet Maltin qalu li huwa ta’ tħassib serju li l-Ewropa tirrifjuta li toffri kenn flok tassisti lil dawk li huma maqbudin bejn sema u ilma.

Filwaqt li rrikonoxxew l-isforzi tal-awtoritajiet Maltin biex jgħinu lil l-omm u lit-tarbija tagħha li nġiebu Malta mill-Forzi Armati, l-Isqfijiet qalu li l-persuni abbord il-bastiment Open Arms u dawk li issa huma abbord il-bastiment Sea Watch 3 jistħoqqilhom kenn.

“Aħna l-Maltin, minħabba ċ-ċokon tagħna u fl-istess ħin minħabba l-pożizzjoni strateġika ta’ pajjiżna, minn dejjem fehemna u ppromovejna s-solidarjetà internazzjonali, u hekk jiħtieg nagħmlu llum ukoll”, sostnew l-Isfqijiet.

Aktar kmieni din is-sena, l-Arċisqof Charles Scicluna u l-Isqof Mario Grech qalu li jappoġġjaw dak kollu li qalu grupp ta’ NGOs meta sostnew li l-Gvern Malti qed jaċċetta li jintilfu aktar ħajjiet bid-deċiżjoni li Malta tagħlaq il-port tagħha għall-bastimenti ta’ salvataġġ tal-immigranti ta’ NGOs.

Tista’ taqra l-istqarrija sħiħa hawn.