“Solidarjetà mal-membri tal-Korp li dejjem ħadmu b’onestà” – MPA

Read in English.

L-Assoċjazzjoni tal-Pulizija wriet solidarjetà “mal-eluf ta’ membri tal-korp li dejjem għamlu x-xogħol tagħhom b’dedikazzjoni u b’mod onest.”

L-Assoċjazzjoni kienet qed titkellem wara l-aħħar skandlu fil-Korp tal-Pulizija fejn il-maġġoranza tal-membri tat-Taqsima tat-Traffiku ġew arrestati u wħud sospiżi minn xogħolhom wara abbuż mis-sahra.

Fuq Facebook, l-assoċjazzjoni qalet li filwaqt li tinsab konxja mir-responsabbiltajiet tagħha bħala union rappreżentata tal-membri tal-korp, ma tixtieqx tikkummenta fuq il-mertu tal-każ. Qalet dan sabiex bl-ebda mod ma tfixkel l-investigazzjoni.

L-Assoċjazzjoni kompliet billi rrimarkat li l-ħażin tal-ftit ma jistax iħassar il-ħafna xogħol tajjeb li jsir minn diversi membri tal-korp “li dejjem kienu onesti” u dejjem qdew “dmirijiethom b’mod impekkabbli”.

In-numru ta’ uffiċjali tal-pulizija li huma arrestati issa tela’ għal 41, b’31 minnhom bil-police bail u sospiżi. B’kollox irreżenjaw seba’ persuni minn mindu ħarġet l-aħbar ta’ allegat abbuż mis-sahra, li kollha ġew aċċettati.

Intant il-Pulizija ħarġet sejħa interna għal dawk il-Pulizija li huma interessati jingħaqdu mat-Taqsima tat-Traffiku bħala sewwieqa ta’ muturi.