SOK: “Il-proġett u ftit marki mhux biżżejjed”

Għall-kuntrarju li kienu jaħsbu ħafna studenti il-proġett tas-Systems of Knowledge u ftit marki mill-eżami mhux biżżejjed biex tgħaddi mis-suġġett, skont il-MATSEC.

Fl-aħħar jiem kienu bosta l-istudenti li lmentaw li ma jistgħux jifhmu kif ma għaddewx.

Bosta studenti jaħsbu li biex tgħaddi mis-suġġett, jekk ġibt marki eċċellenti fil-proġett li jiswa 40% tal-marka globali, kull ma għandek bżonn huwa forsi anqas minn 30 marka fil-karta tal-eżami hekk kif kienu jemmnu li l-pass mark hija anqas minn 50%.

Għaldaqstant, il-MATSEC Support Unit sostniet li l-istudenti għandhom impressjoni ħażina dwar l-assessjar ta’ dan is-suġġett.

Irrimarkat kif is-sillabu jgħid li kriterji li bihom biex wieħed jgħaddi mill-eżami jgħidu li hemm bżonn pass fil-karta tal-eżami.

Mill-analiżi tagħha il-MATSEC spjegat li l-istudenti qed jiffukaw li jistudjaw għal sezzjoni waħda jew tnejn minn erba’ u jipprovdu tweġibiet mhux sodisfaċenti għas-sezzjonijiet li ma studjawx.

Kompliet tgħid li l-eżaminaturi din is-sena rrappurtaw li l-prestazzjoni ġenerali tal-istudenti kienet waħda fqira u għaldaqstant, ikkumparat mas-snin ta’ qabel, il-marka minima li student irid iġib biex jgħaddi mill-eżami (pass mark) tnaqqset b’mod drastiku. Minkejja dan irrimarkaw li xorta kien hemm persentaġġ akbar ta’ fallimenti.