“Sofrejt abbuż kbir” – iben li twaqqaf milli jsiefer ma’ missieru

Ġermaniż ta’ 17-il sena li kien se jitlaq minn Malta permezz ta’ titjira flimkien ma’ missieru spiċċa nqabad wara li nstab li kien hemm care order fil-Ġermanja għalih. Dan ifisser li l-missier qed jiġi akkużat bil-ħtif ta’ ibnu. Minkejja kollox iż-żagħżugħ qed jinżamm Malta minħabba li sostna li sofra minn abużi kbar fil-Ġermanja.

Dan ikkonfermah ma’ Newsbook.com.mt il-Kap Eżekuttiv tal-Fondazzjoni għas-Servizzi Soċjali (FSWS), Alfred Grixti.

Meta mistoqsi dwar jekk il-missier u ibnu kienux qed jgħixu Malta, Grixti spjega li s’issa għadu mhux ċar jekk humiex residenti f’pajjiżna. Sostna li qed isiru l-investigazzjonijiet relattivi biex jiġi stabbilit jekk dan kienx il-każ.

Grixti kompla jispjega li t-tifel ilu jgħix Malta ma’ entità jew individwi li tawh forma ta’ kenn għal aktar minn sena, iżda għadu mhux ċar meta l-missier ġie Malta u jekk bdewx jgħixu flimkien.

Filwaqt li l-każ se jitressaq quddiem il-Qorti għada, jidher ukoll li l-Maġistrat tal-għassa fetħet inkejsta sabiex jiġu stabbiliti l-fatti kollha ta’ kif seħħ il-każ.

Grixti spjega li bħalissa hemm ordni ta’ ħarsien temporanja li ġiet mogħtija mill-istess Maġistrat li tat il-kura u kustodja taż-żagħżugħ lill-Aġenzija Appoġġ. Din id-deċiżjoni ttieħdet wara numru ta’ rivelazzjonijiet li għamel it-tifel dwar l-allegat “trattament negattiv u saħansitra abbuż li qed jallega li sofra fil-postijiet fejn suppost kien sigur u fejn inħarġitlu l-care order.”

Grixti sostna li minkejja li ż-żagħżugħ suppost intbagħat lura l-Ġermanja, l-allegazzjonijiet li għamel wassal sabiex tinfetaħ l-inkjesta biex toħroġ il-verità dwar il-każ.

“Bħala pajjiż għandna l-obbligi internazzjonali tagħna taħt bosta trattati internazzjonali u li aħna fi dmir, kemm bħala FSWS u kemm bħala entitajiet oħra, li nonorawhom. Imma mill-banda l-oħra rridu nibbilanċjaw dawn l-obbligi ma’ dak li huwa fl-aħjar interess tat-tifel fil-mument partikolari u huwa għal din ir-raġuni li nfetħet l-inkjesta,” kompla jgħid Grixti.