Sodisfazzjon minflok biża’ għall-għoti tad-demm fi grupp

Il-biża’ għall-għoti tad-demm tonqos ħafna meta wieħed jiddeċiedi li jagħti donazzjoni bħala parti minn grupp ta’ nies.
Is-Servizz Nazzjonali tat-Trasfużjoni tad-Demm qal li qed jiġi nnutat li iktar persuni qed jersqu biex jagħtu d-demm persuni li qed jagħżlu li jagħtu d-demm għalkemm għad hemm nies li qed jibqgħu pass lura minħabba l-biża’.
Kelliem għas-Servizz Nazzjonali qal li ħafna qed jegħlbu din il-biża’ billi jingħaqdu fi grupp u jmorru flimkien jagħtu d-demm, b’ħafna jesprimu s-sodisfazzjon għall-fatt li jkunu taw id-demm u d-dispjaċir tagħhom li ma kienx irnexxielhom jegħlbu l-biża’ qabel.
Is-Servizz qed ikompli jappella għall-għoti ta’ demm fi gruppi biċ-Ċentru tal-Għoti tad-Demm fi Gwardamanġa jkun miftuħ kuljum, mit-8.00am sas-6.00pm, u l-Mobile Blood Donation Unit se tkun nhar il-Ħadd sas-1.00pm quddiem il-knisja ta’ San Ġużepp Ħaddiem f’Birkirkara.
F’Għawdex, id-Dipartiment tal-Outpatients se jilqa’ donazzjonijiet tad-demm nhar it-Tlieta mis-1.00pm sal-5.00pm.
Hu importanti li wieħed jieħu karta tal-identità, liċenzja tas-sewqan jew passaport Malti u jieħu lil ħaddieħor miegħu.