Sodisfazzjon li persuna tqum għax-xogħol – L-Isqof Grech

MGOZ - Terry Camilleri

L-Isqof ta’ Għawdex Mario Grech qal li huwa ta’ sodisfazzjoni kbir li ’ċerti ħaddiema tagħna jgħidu li kull filgħodu jsibu l-qawwa biex jibdew il-ġurnata tax-xogħol għax f’moħħhom ikollhom lill-familja‘.

Huwa kien mistieden sabiex jiċċelebra quddiesa mal-impjegati tal-Gvern f’Għawdex fl-okkażjoni ta’ Jum il-Ħaddiem. Fl-omelija tiegħu Mons. Grech qal li x-xogħol jagħti dinjità lill-individwu kif ukoll lill-familja. Huwa fakkar li għandu jkun hemm bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħin ta’ kwalità. Enfasizza li hemm bżonn li jkun hawn bilanċ u din hija ‘regola tad-deheb’, li wieħed ma jitgħabbix iktar milli jiflaħ.

Fi tmiem l-omelija tiegħu huwa poġġa lill-ħaddiema kollha taħt l-interċessjoni ta’ San Ġużepp Ħaddiem. L-Isqof awgura biex wieħed ikompli jinvesti fil-ħsieb u l-enerġija biex ix-xogħol jibqa’ jkun attività li twieżen il-familja u li l-familja tibqa’ patrimonju tal-unamità u istituzzjoni soċjali fundamentali.

Għal din il-quddiesa kien hemm preżenti bosta ħaddiema, il-Ministru ta’ Għawdex Justyne Caruana u diversi diretturi.