“Sodisfatti bil-laqgħa tal-Eżekuttiv”

Miguela Xuereb
L-esponenti tal-Partit Nazzjonalista (PN) li bdew jiġbru l-firem biex jitlaqqa’ Kunsill Ġenerali biex jittieħed vot dwar il-futur tal-Kap tal-PN Adrian Delia qalu li jinsabu sodisfatti bil-laqgħa tal-Eżekuttiv tal-PN peress li aċċetta l-petizzjoni tagħhom.

Fi stqarrija ffirmata minn Ivan Bartolo, Emma Portelli Bonnici, Mark Anthony Sammut, Emvin Bartolo, u Martin Musumeci, esprimew is-sodisfazzjoni li l-PN aċċetta l-petizzjoni tagħhom li ġiet preżentata fil-25 ta’ Ġunju. Din il-petizzjoni ġiet ippreżentata minn aktar minn 150 kunsillier. Minħabba din il-petizzjoni, se jiġi msejjaħ Kunsill Ġenerali fis-27 ta’ Lulju, sabiex fih jittieħed vot ta’ fiduċja fil-Kap tal-Partit.

Aqra: Petizzjoni PN: ‘Ħarġu l-ismijiet ta’ min iffirma biex jintimidaw’

F’kummenti lill-ġurnalisti quddiem id-Dar Ċentrali tal-PN, fi tmiem il-laqgħa tal-Kumitat Eżekuttiv, Dr Delia ċaħad li hemm xi petizzjoni li kienet “invalida”. Huwa enfasizza l-importanza li kien hemm “ftehim unanimu” dwar il-mistoqsija li se ssir lill-Kunsilliera.

Filmat: Aġġornata: Il-Kunsill Ġenerali se jivvota jekk Delia għandux jibqa’ Kap sal-elezzjoni ġenerali

Fl-istqarrija, ġie kkonfermat kliem Delia hekk kif ġie spjegat li se jkun hemm mistoqsija waħda li se titpoġġa għall-vot. Dan minflok tliet Kunsilli Ġenerali fuq tliet mistoqsijiet differenti li kollha jikkonċernaw it-tmexxija tal-Kap tal-Partit.
Barra minn hekk, intlaħaq qbil fejn se jingħataw kopja tal-lista ta’ Kunsillieri eliġibbli sabiex ikunu jistgħu jikkomunikaw magħhom. Se jkun hemm ukoll votazzjoni minn qabel u ħin twil allokat għall-vot matul il-jum tal-votazzjoni. Kien hemm qbil li kull min tneħħa minn Kunsillier bla ma jaf jingħata kull opportunita’ sabiex jikkontesta din it-tneħħija u jingħata rimedju mill-Kummissjoni Elettorali.
Ikkonkludew l-istqarrija billi saħqu li l-PN għandu bżonn jissaħħaħ, u li dawn l-affarijiet qed isiru biss fl-aħjar interess tal-Partit.