“Soċjetà matura għandha tirbaħ lill-aġir ta’ mibegħda” – bBrave

Read in English.

L-NGO bBrave irrimarkat li soċjetà matura għandha tirbaħ lill-aġir ta’ mibgħeda. Dan il-messaġġ għaddietu fid-dawl tas-sitwazzjoni kurrenti tal-pajjiż fejn sostniet li qed twassal sabiex għexieren ta’ persuni jgħaddu messaġġi ta’ mibegħda lil xulxin.

L-għaqda bBrave, li tagħmel membru tal-Alleanza Internazzjonali ta’ Kontra l-Bullying, u li hija l-ewwel NGO kontra l-ibbuljar f’Malta qalet li l-politika hija xi ħaġa li wisq probabli se tibqa’ tifred lill-poplu. Madanakollu insistiet li wasal iż-żmien sabiex kulħadd jieqaf iħares lejn id-dinja minn lenti ta’ kategorija politika.

Semmiet kif ta’ kuljum, il-poplu qed ikun xiehda ta’ insulti, theddid ta’ ħajja u aġir ta’ mibegħda assoluta u mingħajr raġuni. L-għaqda sostniet li filwaqt li l-kampanji tagħha fil-passat dwar il-bullying kienu aktar direzzjonati lejn it-tfal, temmen li wasal iż-żmien li l-adulti wkoll iħarsu ftit lejn l-aġir tagħhom u kif jistgħu ikunu huma li joħolqu tibdil pożittiv.