Aġġornata: “Soċjetà bla ġustizzja soċjali tkun soċjetà li tmut”

L-Arċisqof Chares Scicluna enfasizza li soċjetà mingħajr ġustizzja soċjali tkun soċjetà li tmut bil-għatx u l-ġuħ.
Din it-twissija wassalha meta kien qed jindirizza l-Konferenza Ġenerali tal-UĦM – Voice of the Workers, bi tfakkira għal Jum il-Ħaddiem.
Mons. Scicluna qal li ma jistax ikun li jibqa’ jiltaqa’ ma’ ħaddiema li jgħidulu li bil-paga li għandhom lanqas jistgħu jippjanaw familja. Tkellem ukoll dwar żgħażagħ li jiftħu qalbhom miegħu biex jgħidulu li b’żewġ pagi u l-bank lanqas jagħtihom biex jissellfu għal appartament.
Dawn kienu wħud mill-esperjenzi tal-Arċisqof, meta kien qed jitkellem dwar it-tliet karatteristiċi fit-tema tal-konferenza: lealtà, valuri u professjonalità.
Dwar il-lealtà, l-Arċisqof qal li din tinbena fuq il-flessibiltà u r-rispett, speċjalment fuq il-kritika li tkun ibbażata fuq il-verità.
Ikkritika l-użu abbużiv tal-midja soċjali, meta qal li dawn flok jintużaw biex jgħaqqdu lill-ħaddiema jiġu abbużati biex ikissru l-lealtà ta’ bejniethom.
“Jekk il-valuri jfissru biss l-ekonomija, nirriduċuhom f’livell baxx ħafna”
Meta tkellem dwar il-valuri, Mons. Scicluna sostna dak li qal ilbieraħ, meta tenna li jekk il-valur dominanti jkun biss dak ekonomiku, allura l-esperjenza tal-valuri tkun qed tinżel f’livelli baxxi.
Sostna li l-kejk ekonomiku hu importanti ħafna, iżda mhux l-uniku kriterju veru tal-progress, u r-riskju jkun li tonqos id-dinjità tal-ħaddiem u min iħaddem.
Aċċenna wkoll sabiex kulħadd jitħallas sew u ndaqs għax-xogħol li jagħmel, fosthom persuni b’abbiltajiet differenti, nisa u barranin.
"Ma nlibbsux libsa waħda lil kulħadd" – Kap Eżekuttiv UĦM
Newsbook.com.mt tkellem ukoll mal-Kap Eżekuttiv tal-UĦM – Voice of the Workers, Josef Vella, li enfasizza li fil-ħidma tagħha ta' kuljum l-unjin tħabrek biex ma tlibbisx l-istess libsa lil kull ħaddiem jew grupp ta' ħaddiema li jitolbu l-intervent tagħha.
Il-biċċa l-kbira mix-xogħol ta' unjin tal-ħaddiema tkun li tassigura pagi aħjar lill-membri tagħha, u allura mistoqsi jekk dan ifissirx li l-UĦM tiffoka fuq l-apsett monetarju biss, Vella wieġeb li l-bniedem ma jgħixx bil-ħobż u l-ilma biss, iżda hemm l-apsett soċjali u ta' ġustizzja li wieħed irid iħares.
Vella qal li l-unjin li jirrappreżenta dan tagħmlu, u fost l-oħrajn semma kif meta l-UĦM tinnegozja ma' min iħaddem tieħu ħsieb li ma jkunx hemm diskriminazzjoni fuq il-post tax-xogħol abbażi ta' ġeneru, sess, razza jew twemmin ieħor.
Temm jgħid li dan l-irwol isir aktar importanti, għax kultant liġi ġusta tinkiteb, iżda ma tkunx applikata.