Société Générale tespandi fil-Ġermanja

Société Générale, kumpanija Franċiża rinomata fis-servizzi finanzjarji, se tixtri n-negozju tat-Taqsima tal-Equity, Markets and Commodities ta’ Commerzbank, biex tkompli tespandi fis-suq Ġermaniż. Dan il-ftehim, li mistenni jkun konkluż sal-aħħar tas-sena, se jara lil SocGen tieħu f’idejha l-prodotti ta’ investiment u asset management iżda jeskludi servizzi ta’ hedging.

B’dan il-ftehim, SocGen se jkollha 13-il biljun f’assi taħt il-kontroll tagħha, li b’konsiderazzjoni tan-negozju li diġà għandha fil-kumpanija sussidjarja Lyxor, u se ssir it-tieni l-akbar kumpanija fi Franza u t-tielet fil-Ġermanja fis-settur tal-investiment.

Filwaqt li għal SocGen dan l-akkwist (li l-valur tiegħu għadu ma ġietx iddikjarat pubblimanent) huwa turija tal-proġett ta’ espansjoni fis-swieq Ewropew, għal Commerzbank il-bejgħ huwa parti minn pjan usa’ ta’ ristrutturar li permezz tiegħu il-bank se jnaqqas madwar 20% tal-impjegati. Il-Bank spjega li ddeċieda li jneħħi dan in-negozju minħabba l-kumplessitajiet tar-regolamenti ġodda li daħlu fis-seħħ, biex jitnaqqas ir-riskju u biex il-bank jiffoka fuq l-operazzjonijiet ċentrali tiegħu.

L-ewwel kwart tas-sena kien wieħed diżappuntanti għal Commerzbank, b’mod partikolari minħabba prestazzjoni mhix tajba fil-qasam tal-equity derivatives, negozju li sa ftit tas-snin ilu kien wieħed mill-aqwa sorsi ta’ dħul għal bank.

Société Générale, li huwa bbażat f’Pariġi, huwa s-sitt l-akbar bank fl-Ewropa u s-sena li għaddiet irreġistra dħul ta’ 24 biljun dollaru.

CK Hutchison trid kontroll sħiħ ta’ Wind Tre

Il-kumpanija internazzjonali bbażata f’Ħong Kong CK Hutchison se tixtri 50% sehem fil-kumpanija tat-telekomunikazzjoni Taljana Wind Tre biex b’hekk issa jkollha l-kontroll assolut tal-kumpanija. Is-sehem se tixtrieh minn kumpanija Olandiża Veon, biex b’hekk CK se ssir l-unika proprjetarja tal-operatur Taljan, iffurmat fl-2016 wara merger ta’ 20 biljun ewro bejn Wind Telecomunicazioni and CK Hutchison ta’ VimpelCom u 3 Italia tal-istess CK.

Din il-mossa jidher li saret wara li t-tnieda operatur ġdida fl-Italja, kumpanija Franċiża li qed topera taħt l-ishem Iliad, u li qed toffri pakkett ta’ 6 ewro fix-xahar, wieħed mill-irħas pakketti fl-Ewropa. Dan poġġa pressjoni qawwija fuq l-operaturi eżistenti, Telecom Italia, Vodafone u Wind, b’din tal-aħħar l-aktar esposta għal Iliad billi hija meqjusa li għandha konsumaturi li iktar qed ifittxu bargain.

CK għandha investimenti fit-telekomunikazzjoni madwar l-Ewropa u l-Ażja, għalkemm kienet sofriet daqqa ta’ ħarta fl-2016 meta l-kummissarju tal-kompetizzjoni waqqaf it-tentattiv tagħha li takkwista n-netwerk Brittaniku 02 mobile, għal 10.5 biljun sterlina. CK għandha wkoll investimenti f’infrastruttura għal portijiet u impjanti tal-enerġija.

Il-ftehim għal Wind għadu suġġett għall-approvazzjonijiet regolatorji u mistenni jkun konkluż sat-tielet kwart tas-sena. Din it-transazzjoni hi mistennija li tiswa madwar 2.45 biljun ewro. Mal-ħruġ ta’ din l-aħbar l-ishma ta’ CK Hutchison fil-Borża ta’ Hong Kong kellhom tnaqqis marġinali ta’ ftit anqas minn 2% għal valur ta’ 81.80 HKD.

Jonqos il-valur tar-renminbi

Il-munita Ċiniża, ir-renminbi, sofriet tnaqqis fl-aħħar mhux żgħir fl-aħħar jiem tant li wasslet biex il-bank ċentrali kellu jintervjeni biex jikkalma s-suq. Dan filwaqt li diversi ishma ta’ kumpaniji ewlenin Ċiniżi sofrew telf minkejja l-isforzi tal-awtoritajiet biex jikkalmaw it-tħassib.

Matul ix-xahar ta’ Ġunju, il-munita sofriet telf ta’ 3.3% fil-konfront tad-dollaru. Hu mifhum li dan huwa riżultat ta’ diversi fatturi fosthom il-fatt li l-ekonomija jidher riesqa lejn perjodu fejn tnaqqas mir-rankatura li kellha s’issa, il-biża ta’ “gwerra kummerċjali” mal-Istati Uniti. Dan jista’ jħalli impatt qawwi kemm fuq il-kumpaniji li jbiegħu l-prodotti tagħhom fl-Istati Uniti kif ukoll fuq oħrajn li għandhom negozju fiċ-Ċina stess ma’ kumpaniji Amerikani.

L-awtoritajiet qed jużaw il-mezzi tax-xandir biex iħeġġu l-investituri jevitaw bejgħ panikuż ta’ ishma u bonds, u ġurnal partikolari kkontrollat mill-istat saħanistra iddeskriva dan il-bejgħ bħala “irrazzjonali”.

L-awtoritajiet fakkru li l-investiment mill-privat baqa’ b’saħħtu fl-ewwel ħames xhur tas-sena, b’żieda ta’ 8% fuq is-sena li għaddiet, biex issa jammonta għal kważi 60% tal-investiment totali fil-pajjiż. Madankollu, fl-istess perjodu kien hemm tnaqqis qawwi fis-self minn banek li jista’ jkun xhieda ta’ xettiċiżmu fuq it-teħid ta’ deċiżjonijiet ta’ proġetti ġodda.

Dan l-artiklu huwa miġjub lilkom minn MPM Capital Investments Ltd – www.mpmci.net Tel. 21493250. Tista’ tirċievi l-artiklu b’xejn billi tibgħat email fuq info@mpmci.net

L-informazzjoni u l-ħsibijiet inklużi fl-artiklu huma provduti għal skop ta’ edukazzjoni u informazzjoni biss u m’għandhomx jiġu kkunsidrati bħala parir ta’ investiment