Social workers ordnati jieqfu jaraw il-klijenti

Jidher li s-sitwazzjoni fil-qasam tal-ħarsien soċjali sejra għall-agħar hekk kif il-ħaddiema, fosthom social workers ġew ordnati sabiex jieqfu jaraw lill-klijenti tagħhom.
Dan qaluh ma’ Newsbook.com.mt social workers li jaħdmu fi ħdan il-Fondazzjoni għas-Servizzi ta' Ħarsien Soċjali (FSWS). Spjegaw li minn issa sakemm jintlaħaq il-ftehim ma jista’ jkollom l-ebda forma ta’ kuntatt ma’ dawn in-nies vulnerabbli.
Social Workers li mhumiex parti mill-UĦM Voice of the Workers ġew ordnati sabiex ma jkunux parti minn dan l-istrajk.
Din l-ordni qed toħloq problemi serji bejn is-social workers infushom hekk kif dawk li jaqgħu taħt il-UĦM mhux qed jikkoperaw mal-ħaddiema li jridu jibqgħu għaddejjin b’xogħolhom.
L-istrajk daħal fis-seħħ wara li l-UĦM ħadet sehem f’14-il laqgħa mal-FSWS matul l-2017. Bejn Jannar u l-31 ta’ Mejju saru 10 laqgħat filwaqt li l-bqija saru bejn il-31 ta’ Awwissu u Diċembru li għadda. Madanakollu baqa’ ma ntlaħaqx ftehim.
Għadd ta’ persuni, fosthom tfal, li jużaw is-servizzi tal-Fondazzjoni għas-Servizzi ta' Ħarsien Soċjali (FSWS) qed jiġu affettwati mill-azzjoni industrijali mill-impjegati tal-istess entità.
“Il-Gvern ma jistax jibqa’ jinjora t-talbiet” – PN
Il-Partit Nazzjonalista jinsisti li l-Gvern ma jistax jibqa jinjora t-talbiet tal-professjonisti fi ħdan l-FSWS u jgħid li kawża ta’ dan qed ibatu kemm il-ħaddiema, kif ukoll dawk l-aktar vulnerabbli.
Fi stqarrija, il-PN jisħaq li l-professjonisti fil-qasam tal-kura u assistenza jixirqilhom l-appoġġ u l-impenn sħiħ tal-Gvern. Għalhekk jappella lill-Gvern sabiex jitratta dawn in-negozjati dwar il-ftehim kolletiv “b’dinjità u mingħajt tkaxkir tas-saqajn.”