Snickers Cake

Riċetta u ritratti ta’ Maria Busuttil

Ingredjenti għall-bażi

kikkra karawett (jew mixwijin jew le, nippreferi l-mixwijin u bil-melħ)

nofs kikkra tamar

kwart ta’ kikkra kokoina

mgħarfa għasel jew maple syrup

Għall-ewwel taħlita

kikkra u nofs cashew nuts mgħollija għal 4-5 sigħat

3 mgħaref peanut butter

5 mgħaref ħalib tal-lewż mhux ħelu

3 mgħaref għasel jew maple syrup

Għat-tieni taħlita

kikkra u nofs tamar imxarrab

kwart ta’ kikkra ilma jew ħalib tal-lewż mhux ħelu

kuċċarina vanilla

nitfa melħ

2 mgħaref peanut butter

200g ċikkulata sewda bla zokkor

karawett

Metodu

Għall-bażi: poġġi l-karawett, it-tamar, it-trab tal-kokotina, l-għasel jew il-maple syrup fi blender u aħdem sakemm ikollok bħal għaġina. Poġġiha fil-qiegħ ta’ landa tal-kejk u ċċattjaha. Daħħalha fil-freezer biex tagħqad sew.

Saffi l-cashew nuts u poġġi fil-blender mal-peanut butter, il-ħalib tal-lewż mhux ħelu u l-għasel jew il-maple syrup. Aħdem għal 5-7 minuti sakemm ikollok taħlita lixxa. Oħroġ il-landa tal-kejk mill-freezer u ferrex fil-wiċċ it-taħlita tal-cashew nuts. Erġa’ daħħal fil-freezer.

Saffi l-tamar u poġġi fil-blender mal-vanilla, l-ilma jew ħalib tal-lewż mhux ħelu u l-peanut butter l-ieħor. Ħawwad sakemm ikollok taħlita lixxa.

Erġa’ oħroġ il-landa tal-kejk mill-freezer u ferrex fil-wiċċ din it-taħlita fuq dik tal-cashew nuts. Iffriża għal siegħa jew aktar sakemm tara li ssettjat. Oħroġ mill-freezer.

Dewweb iċ-ċikkulata u agħmilha fuq il-wiċċ tat-taħlita tat-tamar.

Ferrex ftit karawett fil-wiċċ biex iżżejjen.