Sneijder jirtira mill-futbol ta’ 35 sena

Il-plejer Olandiż Wesley Sneijder ħabbar li se jkun qed itemm il-karriera tiegħu tal-futbol. Wieħed jista’ jgħid li kellu karriera ta’ suċċess fejn rebaħ bosta tazzi f’temp ta’ 17-il sena.

Sneijder li għandu 35 sena u li lagħab għal 134 mat-Tim Nazzjonali, ħabbar dan waqt li kien qed jitkellem fuq iċ-channel ta’ You Tube tal-klabb lokali FC Utrecht. Tul il-karriera tiegħu, irnexxielu jikseb midalja ta’ runners-up fit-Tazza tad-Dinja, rebaħ iċ-Champions League, La Liga u t-titlu tas-Serie A.

L-Olandiż kellu suċċess ma’ Real Madrid, Inter Milan u Galatasaray wara li rnexxielu jiggradwa mill-akkademja ta’ Ajax lura fl-2002.