Smoothie tal-frott aħmar

Red Smoothie Healthy Drink

F’Lulju s-sajf jieħu sewwa u l-frott ikun abbundanti. Wara dak li għaddejna minnu, f’din ir-riċetta sempliċi ħsibna biex nerġgħu nagħtu ħajja lis-sistema immunitarja tagħna b’din it-taħlita delizzjuża ta’ frott aħmar. Id-dulliegħ, il-frawli u l-għeneb huma sors eċċellenti tal-vitamina Ċ. Iż-żerriegħa sewda tad-dulliegħa, bħal ħafna żrieragħ oħra, hija mimlija proteini u nutrijenti essenzjali. Imma tiħux iżżejjed minnhom għax fihom ukoll ħafna kaloriji. Jekk xorta ma togħġbokx iż-żerriegħa, neħħihom. 

Taħlita għal żewġ tazez: 200g frawli; għanqud żgħir għeneb; felli dulliegħa. 

  • 1. Naddaf il-frawli u aqsamhom min-nofs. Aqla’ l-għeneb waħda waħda u qaxxar id-dulliegħa. 
  • 2. Poġġi d-dulliegħa fi blender jew food processor sakemm titkisser iż-żerriegħa. Żid il-frawli u l-għeneb (mingħajr żerriegħa) u ħawwad sakemm it-taħlita tiġi lixxa. 
  • 3. Imla fit-tazzi u ħudha friska għall-fatra ta’ filgħodu. 
  • 4. Jekk ma ssibx frawli tista’ tuża banana minflokha.

Tista’ tara l-verżjoni diġitali ta’ FLIMKIEN billi tagħfas hawn.