Smigħ pospost 14-il darba; Akkużat jistenna l-ħabs

Raġel li qed iservi sentenza ta’ ħabs ressaq protest ġudizzjarju kawża ta’ dewmien biex jiġi deċiż il-każ kostituzzjonali tiegħu.

Stephen Pirotta ta’ 48 sena minn Ħal Luqa qed iservi sentenza ta’ ħabs wara li fl-2010 instab ħati fuq attentat ta’ qtil wara li ħebb għal sewwieq ta’ mutur b’arma ppuntata u kważi qatlu.

L-avukati l-ġodda ta’ Pirotta issa qed jisħqu li l-każ tal-akkużat ma nstemax kif suppost hekk kif hu kien miċħud milli jikkonsulta ma’ avukat waqt l-interrogazzjoni fl-2005. Fi Frar tal-2016 huwa kien ressaq protesta oħra b’rabta ma’ ksur għad-dritt tiegħu li l-Qorti tisma’ l-każ b’mod ġust minħabba n-nuqqas tal-preżenza ta’ avukat waqt l-interogazzjoni tiegħu.

Skont l-aħħar protest ġudizzjarju li Pirotta ressaq il-Ġimgħa quddiem il-Qorti, huwa qed jisħaq li l-każ kostituzzjonali tiegħu ġie pospost għal14-il darba għal kważi sena u nofs minn Ġunju tal-2017. L-istess protest ġudizzjarju jisħaq li dan il-ksur tad-drittijiet fundamentali tiegħu mhux aċċettabli.