“Smart City u bini kbir ieħor għandhom jaċċettawna” – ċiklisti

Il-grupp taċ-ċiklisti appellaw lill-iżviluppaturi biex żviluppi kbar f’Malta bħal dak ta’ Smart City u tal-Birgu jinkorporaw sistemi favur iċ-ċikliżmu.
Fi stqarrija, il-grupp B.A.G. semma l-eżempju ta’ Tigne Point fejn qal li oriġinarjament, is-sidien kienu waqqfu liċ-ċiklisti milli jgħaddu minn spazji pubbliċi għax kienu riservati biss għal min jimxi.
Qalu li l-ħtieġa għar-roti f’dawn il-postijiet ġiet mir-residenti stess li wasslu lis-sidien biex ibiddlu s-sinjali li jipprojbixxu r-roti għal sinjali li jipprojbixxu l-istunts bir-roti.
Stqarrew li dan kien sinjal tajjeb u ta’ inkoraġġiment għalihom.
Jappellaw biex l-istess raġunament jiġi inkorporat fil-proċeduri tal-ippjanar fosthom dawk tal-Awtorità tal-Ippjanar anke minħabba l-fatt li skont il-grupp taċ-ċiklisti, is-servizz tal-linja qed ibati biex ilaħħaq mad-domanda li dawn l-iżviluppi l-kbar qed iġibu.