“Smajtha twerżaq qabel ma nqatlet” – xhud tal-qtil ta’ Shannon Mak

Facebook - Shannon Mak

Żagħżugħ li x’aktarx kien xhud tal-qtil tal-mara min-Netherlands li nstabet mejta f’Santa Venera qal fil-Qorti kif dak kien sema’ mara twerżaq f’nofs ta’ lejl.

Iż-żagħżugħ spjega li f’dak il-lejl, għall-ħabta tas-2.30am, sema’ twerżieq, liema twerżieq beda bil-mod il-mod jinżel fil-volum. Qal li mbagħad it-twerżieq inbidel f’ħoss bħal qisu xi ħadd qed jiggargarizza. Madanakollu sostna li hu ma kien ra xejn.

Intant, fil-Qorti ż-żagħżugħ ippreżenta wkoll dokument tal-kera ffirmat mir-raġel min-Netherlands li qed jiġi akkużat bil-qtil tat-tfajla. Jelle Rjipma, l-akkużat, kien qed jikri appartament mingħand omm ix-xhud.

Tinstab b’għonqha mħanxar; is-sieħeb tagħha arrestat

Rjipma qed jiġi akkużat li nhar it-3 ta’ Awwissu tal-2018 qatel lil Mak. Il-mara nstabet bla ħajja fis-6.15am fi Triq il-Mastrudaxxi, taħt ħajt, bejn żewġ karozzi pparkjati. Mal-wasla tal-Pulizija fuq il-post, sabu lill-vittma f’għadira demm, bi ġrieħi li jindikaw li sfat vittma ta’ sikkina. Issejħu wkoll esperti forensiċi, il-karozza tal-mejtin tal-Pulizija filwaqt li ġew elevati numru ta’ filmati mill-kameras tas-sigurtà.

Wara x-xhieda taż-żagħżugħ xehdet ukoll is-sid tal-karozzi li ħdejha nstab ġisem Mak. Hi rrakkontat ix-xena xokkanti li rat quddiem għajnejha. Sostniet li t-tfajla kellha l-make-up imdellek, kienet miksija bid-demm u kellha riġlejha mikxufin hekk kif id-dublett tagħha kien imtella’.