Smajt x’se jiġri fil-Junior College das-sajf?

Smajt x’se jiġri f’kċina fil-Junior College dan is-sajf?

Ftit tal-ġimgħat oħra l-attriċi Maltija Ruth Borg se tkun qed ittella’ produzzjoni teatrali, ambjentata fi kċina, flimkien mal-udjenza li se tkun preżenti. Din il-produzzjoni se tkun qed terġa’ tiġi maħduma mill-ġdid minn Borg, hekk kif ittellgħet f’April f’Amsterdam mill-istess attriċi bħala parti mill-istudji teatrali tagħha.

Din il-produzzjoni, li qed issir bħala parti mill-istudji teatrali fil-mima minn Borg, se tkun differenti minn kwalunkwe produzzjoni li l-pubbliku mdorri jara f’Malta hekk kif l-udjenza se tkun involuta direttament fil-produzzjoni.

It-3am u Ġina għadha mqajjma. Hekk kif l-udjenza se tosserva lill-Ġina ddur mal-erba’ ħitan tal-kċina fl-appartament ċkejken tagħha, l-anzjeta  u l-biża’ tagħha marbuta mal-imħabba u telf se jsiru aktar evidenti. L-udjenza se tkun mistiedna sabiex tosserva sew u tifhem il-movimenti u logħob bil-kliem ta’ Ġina biex jifhmu dak li jkun għaddej minn moħħha.

Ġina, li hi miftuħa għal udjenza ta’ 16-il sena ‘l fuq, se tittella’ nhar it-3, 4 u 5 ta’ Awwissu fis-7.30pm u fid-9pm ġewwa l-Junior College fl-Imsida. Se jkun hemm parkeġġ b’xejn għal kull min jattendi.

Għal aktar informazzjoni dwar din il-produzzjoni wieħed jista’ jidħol hawnhekk.