Smajna stejjer tat-tkexkix mill-Italja – ŻAK

Reuters

L-għaqda Żgħażagħ Azzjoni Kattolika qalet li semgħet bi stejjer ta’ tkexkix mill-Italja b’rabta mal-coronavirus.

Fi stqarrija ż-ŻAK spjegat li għandha kuntatti tajbin mal-Azzjoni Kattolika Taljana.

“Il-messaġġi u l-istejjer li smajna mingħandhom dawn l-aħħar xhur kienu tat-tkexkix. Ma nistgħux naħsbu li huma biss stejjer ta’ barra, li Malta frankajna kollox. Biżżejjed niftakru fil-familji li ma setgħux ikunu ħdejn qrabathom, lil dawk li ma setgħux isellmu għall-aħħar darba għax anqas funeral ma setgħu jagħmlu, lil dak ir-raġel li tana xhieda tant qawwija tal-ġranet li għex fl-ITU,” qalet iż-ŻAK.

“F’dawn iż-żminijiet tal-imxija tal-COVID-19 qed naraw li l-ebda deċiżjoni mhi deċiżjoni privata għax filfatt għandha konsegwenzi soċjali. Naraw kif li dak li tagħmel int jista’ jaffettwa lil ħaddieħor – il-fatt li rridu nilbsu maskra, inżommu distanza fiżika minn xulxin, mhux sempliċiment biex ma nimradx jien imma għax jien nista’ mmarrad lil ħaddieħor – biex nieħdu ħsieb lill-ħaddieħor u lil dawk l-iktar vulnerabbli tas-soċjetà tagħna,” qalet iż-ŻAK.

Iż-żgħażagħ qalu li f’dawn il-ġimgħat ta’ kwarantina kien hemm bosta li skoprew ħiliet ġodda, sabu metodi ġodda ta’ kif iżommu kuntatt, kif jokkupaw il-ħin tagħhom, kif jaħdmu mid-dar, u skoprew partijiet ġodda tal-ambjent Malti f’mixjiet fil-kampanja.

Fi stqarrija ż-ŻAK qalet li lbieraħ organizzat webinar dwar l-Enċiklika tal-Papa Franġisku Laudato Si. Il-Professur Paul Pace kien mistieden għall-webinar. Jaħdem bħala lettur fl-Università ta’ Malta.

Prof. Pace tkellem dwar l-impatt tal-Enċiklika fuq il-komunità internazzjonali, l-effett xjentifiku, ekonomiku, u soċjali. Qal li dak li dak li n-nies qed jgħixu dan l-aħħar juri biċ-ċar li n-nies għandhom jieħdu ħsieb lil xulxin. Il-Papa ħabbar li l-ġimgħa ddedikata għal-Laudato Si se tiġi estiż għal sen biex in-niex ikomplu jirreflettu dwarha.

Isemmiet ukoll l-istqarrija li ppublikat il-Kummissjoni Interdjoċesana Ambjent, Nifs Ġdid.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn