Smajna n-nies tal-periferiji – Mons. Grech

L-Isqof Mario Grech qal li fis-Sinodu li għadda l-Isqfijiet kellhom iċ-ċans jisimgħu l-vuċi ta’ dawk li jinsabu fil-periferiji.

Huwa qal dan f’intervista ma’ Francesco Pio Attard, l-editur tar-Rivista djoċesana Il-Ħajja f’Għawdex.

F’Ottubru li għadda, il-Prosegretarju Ġenerali tas-Sinodu tal-Isqfijiet u Amministatur Appostoliku għal Għawdex, l-Isqof Grech attenda għas-Sinodu dwar l-Amażonja fil-Vatikan. Waqt l-intervista huwa rrimarka li l-importanza ta’ dan is-sinodu huwa li tisma’.

“Is-Sinodu mhux bħall-Parlament”

Spjega li l-Isqfijiet preżenti semgħu l-karba tal-poplu tagħhom iżda mhux biss. “Il-Knisja tisma’ wkoll x’inhu jgħid l-Ispirtu s-Santu llum”, kompla jgħid Mons. Grech. Fisser li s-Sinodu mhuwiex bħall-Parlament iżda huwa mixja li jagħmlu flimkien. Il-kelma Sinodu tfisser wkoll li jimxu t-triq flimkien li jindika l-Ispirtu s-Santu fil-Knisja tal-lum. Żied li s-Sinodu huwa esperjenza ta’ dixxerniment u jistħarrġu fi spirtu ta’ riflessjoni u ta’ talb ta’ dak li Alla jrid illum.

Mistoqsi għala l-Papa jsejjaħ lill-Isqfijiet biex jinġabru flimkien biex jiddiskutu suġġett partikolari, l-Isqof stqarr li l-ogħla organu tal-Knisja huwa l-Konċilju, fejn il-Papa jsejjaħ lill-Isqfijiet tad-dinja kollha. Fis-sinodu jkun hemm rappreżentanza minn madwar id-dinja u jiddiskutu t-tema li jkun għażel il-Papa għall-Evanġelizzazzjoni tal-lum.

Grech spjega li dan is-Sinodu huwa differenti minn sinodi oħrajn għax kellhom l-opportunità li jisimgħu n-nies li jinsabu fil-periferiji u dan għenhom biex dawk li jinsabu fiċ-ċentru jitgħallmu mill-esperjenzi ta’ dak li qed tagħmel il-Knisja f’artijiet imbiegħda.

“Il-pulmun tad-dinja”

Waqt l-intervista l-Isqof Mario Grech qal li l-Amażonja hija l-pulmun tad-dinja u skont espert fil-qasam min-Nazzjonijiet Magħquda jekk se tkompli ssir il-ħsara fl-Amażonja din se taffettwa lid-dinja kollha minħabba li se jkun hemm tibdil fil-klima.

Grech qal li f’dan is-Sinodu kellhom l-opportunità li t-teorija li kien hemm f’Enċiklika fl-isem ta’ Laudato Si timxi għall-prattika. Spjega li l-Isqfijet setgħu jmissu b’idejhom il-karba tal-art u tal-poplu indiġenu li qed issir ħafna vjolenza kontrihom u d-drittijiet tal-poplu qed jiġu mkasbra.

Għall-kritika li dan is-Sinodu ma kellux lill-Kristu fiċ-ċentru, l-Isqof Grech qal li min kien fis-sinodu seta’ jħoss esperjenza kristjanament qawwija għax Kristu huwa r-raġuni tal-eżistenza tagħhom u kull proposta setgħet issir għax kienu mnebbħin minnu.

L-irwol ta’ rġiel miżżewġa u n-nisa

L-Isqof żied li ġew diskussi proposti fosthom li rġiel miżżewġa jiġu ordnati saċerdoti fl-Amażonja, kif ukoll l-irwol importanti tan-nisa fil-Knisja u jekk dawn jistgħux jiġu ordnati djakni, l-importanza tal-familji u l-lajċi.

Il-Prosegretarju Ġenerali tas-Sinodu tal-Isqfijiet u Amministratur Appostoliku għal Għawdex qal li wara s-sinodu ssir l-implimentazzjoni wara li l-Papa jagħti l-eżortazzjoni tiegħu u jibda x-xogħol fuq is-Sinodu li ġej.

Grech appella biex kulħadd jirċievi b’qalb miftuħa dak li ġie deċiż minn mis-Sinodu. Appella wkoll biex wieħed jipparteċipa biex iwassal il-vuċi tiegħu f’dawn is-sinodi.