Slovakkja: Il-President jirrifjuta l-kabinett il-ġdid wara l-qtil ta’ ġurnalist

Il-President Slovakk, Sndrej Kiska, irrifjuta l-kabinett ġdid li pproponewlu, hekk kif is-Slovakkja qed tipprova tifforma gvern aktar stabbli wara l-mewġa ta’ protesti u r-riżenja tal-eks-Prim Ministru Robert Fico, minħabba l-qtil ta’ ġurnalist.
Fico rriżenja l-ġimgħa l-oħra wara pressjoni minħabba l-qtil kiesaħ u biered tal-ġurnalist Jan Kuciak, li kien qed jinvestiga każijiet ta’ frodi, li ħafna drabi kienu jinvolvi negozjanti b’rabtiet mal-partit fil-Gvern u politiċi oħra.
Fl-aħħar storja li kien qed ifassal, Kuciak kien kiteb li ‘Ndrangheta, mafja Taljana minn Kalabrja, kienet involuta mal-politiċi Slovakki fi tbagħbis ta’ fondi Ewropej.
Wara li rriżenja l-PM Slovakk, il-President kien talab lid-Deputat Prim Ministru, Peter Pellgrini, sabiex jipproponilu kabinett ġdid.
Milli jidher il-kandidati m’għoġbux lill-President Kiska, “Mhux se naċċetta din il-lista ta’ kandidati, u tkellimt dwar ir-riżervi tiegħi ma’ Pellegrini. Tlabtu jiġili b’kabinett ġdid”, ġie rrappurtat jgħid Kiska.
Pellegrini għandu biċċa xogħol iebsa, għax irid jikkonvinċi kemm lill-President, iżda anki lill-poplu li hu kapaċi joħloq gvern stabbli li kapaċi jikkalma t-tensjoni.